Il-proġett One Device Per Child li ħabbart flimkien mal-Ministru Clifton Grima huwa għażla favur il-futur ta’ pajjiżna. B’investiment ta’ €54 miljun minn Fondi Ewropej u Fondi Nazzjonali qegħdin niżguraw studenti irrispettivament minn liema faxxa soċjali ġejjin, se jkollhom l-istess opportunità li javvanzaw fl-edukazzjoni tagħhom permezz tal-għodod diġitali li qed nagħtuhom biex jimxu pass pass ma’ kif qed tavvanza t-teknoloġija llum.
Meta l-Unjoni Ewropea fasslet il-Programm tagħha għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-eqqel tal-pandemija tal-Covid kellha f’moħħha li l-Ewropa kellha bżonn ekonomija li tagħmel inqas impatt fuq l-ambjent u ekonomija aktar diġitali u kellu jsir investiment massiċċ f’din id-direzzjoni. Dak li qed iwettaq il-Gvern Malti bil-proġett One Device Per Child juri impenn ħalli jsir investiment biex il-ġejjieni nfassluh illum. Qegħdin b’din l-inizjattiva, nwettqu wegħda oħra tal-Manifest “Malta Flimkien” meta konna wegħdna li nestendu dak li konna bdejna fil-leġislatura li għaddiet bil-proġett One Tablet Per Child.
L-inizjattiva biex kull student minn Year 7 ‘l fuq ikollu l-laptop tiegħu hija waħda mill-aqwa. F’din l-ewwel fażi tal-proġett qed jingħata laptop lill-istudenti kollha tas-7, it-8 u d-9 sena tal-kors edukattiv. Qed ninvestu biex inħejju il-ġenerazzjonijiet t’għada biex ikunu aktar abbli fil-ħiliet diġitali. Qed ninvestu biex inkunu aktar inklussivi, jiġifieri li kulħadd ikollu l-opportunità li jaċċedi għat-teknoloġija. Qegħdin inkunu nklussivi għaliex m’aħniex nagħmlu differenza bejn min jista’ u min ma jistax.
Irridu nkomplu ninvestu fit-taħriġ, għat-tfal, għall-ġenituri, għal min iħaddem, għal dawk li diġa qegħdin fil-postijiet tax-xogħol, għaliex id-dinja qed tinbidel kontinwament. Ninsabu fl-era tal-Intelliġenza Artifiċjali, l-AI li ma rridux narawha bħala xi ħaġa li tbeżżagħna imma teknoloġija li qegħda magħna u rridu naghrfu kif nużawha.
Il-proġett li inawgurajna taħt il-kappa tal-European Social Fund Plus (ESF+) għandu l-għan li joħloq ambjent modern, inklussiv u lest għall-futur edukattiv ta’ pajjiżna. Dan irridu nilħquh kemm fil-klassijiet tal-iskola kif ukoll barra minnhom. Kif fassalna l-programm qed niżguraw li l-ebda tifel jew tifla ma jitħallew jaqgħu lura. Bl-għoti tal-laptop lill-istudenti mis-7 Sena qegħdin nagħtuhom l-għodda li għandhom bżonn biex jitgħallmu, joħolqu u jirnexxu f’dinja diġitali.
Il-€54 miljun ser jintefqu wkoll fuq it-taħriġ tal-edukaturi biex jintegraw effittivament it-teknoloġija fil-mod kif jgħallmu. Permezz tal-fondi ser nipprovdu kontenut diġitali tas-suġġetti kollha mgħallma. Aspett ieħor huwa li se tkun provduta sistema ta’ pjattaformi diġitali siguri li jipproteġu lill-istudenti waqt li jesploraw u jitgħallmu permezz tal-laptops li qed nipprovdulhom.
Din hija t-triq ‘il quddiem. Spirtu ta’ tim wieħed, ministeri li jaħdmu flimkien biex nilħqu l-għanijiet tagħna għall-ġejjieni ta’ pajjiżna.