Friday, December 13, 2024

L-għeja tal-Awstraljani minħabba l-Covid-19

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Minkejja li m’għadux jingħata daqshekk importanza fil-midja, il-każijiet u l-imwiet għadhom hemm

Il-pandemija għadha magħna iżda l-prominenza fl-aħbarijiet daret fuq il-gwerra fl-Ukrajna, għarar qawwi u tħassib fuq id-devastazzjoni li qiegħda tikkawża l-bidla fil-klima. Minkejja diversi aħbarijiet oħra fosthom il-famuża daqqa ta’ ħarta live ta’ Will Smith fl-Oscars u elezzjoni federali f’Mejju, fl-Awstralja n-nies xorta għadhom qegħdin jimirdu bil-Covid-19 tant li f’ġimgħa waħda 518 persuna mietu u aktar minn 80,000 irriżultaw pożittivi.

Il-mewġa qawwija ta’ każijiet tal-pandemija fl-Awstralja ilha li bdiet minn Jannar u n-numru eżatt ta’ dawk affettwati huwa maħsub ferm aktar. F’rapport minn “Guardian” jingħad li l-ħaddiema fis-settur tas-saħħa huma għajjenin u bħalhom, l-għalliema. Ma’ dawn hemm il-poplu Awstraljan innifsu li ma jiflaħx jiġġieled aktar din l-imxija li daħliethom fi kriżi akbar f’dawn il-759 jum. Bħalissa dan il-kontinent għandu l-isfida li jibqa’ sod u ma jaħsibx li l-pandemija spiċċat. In-nies iridu joqogħdu attenti li ż-żieda tal-każijiet ta’ infezzjonijiet ma twassalx li jerġa’ jkun hemm il-bżonn li jidħlu fis-seħħ xi restrizzjonijiet.

Il-President tal-Kulleġġ Irjali Awstraljan tat-Tobba, Karen Pierce, stqarret li fl-imgħoddi kienet iċċajtat li għandhom bżonn sena barra mix-xogħol ħalli jistrieħu iżda fuq nota aktar serja qalet li, “minħabba dak li qiegħed jiġri barra minn pajjiżna m’hemm imkien fejn tista’ tmur għal vaganza. Din hija sitwazzjoni kerha għal kulħadd”.

Barra li fl-Awstralja l-appuntament mediċi l-oħra waqgħu wkoll lura f’dawn is-sentejn, dan il-pajjiż qiegħed jipprepara biex fl-istaġun tal-influwenza li jmiss, jagħti l-booster tat-tilqima ta’ kontra l-Covid-19. Staġun li skont l-esperti, se jkun l-agħar wieħed f’dawn l-aħħar tliet snin. Dan ukoll qiegħed iwassal għal stress qawwi b’konsegwenzi ta’ għeja kemm fiżika, kif ukoll mentali.

Pierce hija b’mod speċjali inkwetata għas-saħħa mentali taż-żgħażagħ li skont hija, tilfu l-kuntatti soċjali anke mill-istituzzjonijiet edukattivi minħabba li ilhom għal dawn l-aħħar sentejn jagħmlu l-lezzjonijiet online. 

Fl-Awstarlja, bħal kull pajjiż ieħor, l-iskejjel huma post fejn it-trasmissjoni tal-virus hija għolja. Fin-Nofsinhar ta’ dan il-pajjiż fil-ġimgħa li għaddiet kien irrapportat li 508 għalliema u 351 impjegati tal-iskejjel kienu fi kwarantina minħabba l-Covid. Dawn il-każijiet affettwaw b’kollox 346 skejjel b’konsegwenza li 4.2% tal-istudenti kienu assenti.

Fil-Punent tal-Awstralja 1,038 skejjel kellhom każijiet pożittivi mill-bidu tal-ewwel term skolastiku. Id-dipartiment tal-edukazzjoni f’Victoria f’jumejn kien infurmat li kien hemm 3,669 infezzjonijiet ġodda fost l-istudenti u 375 oħra fost l-edukaturi. Ir-rata ta’ assenza fost l-istudenti fl-iskejjel statali ta’ Victoria bħala medja kien ta’ 11%. 

Ekonomija

Sport