Saturday, December 21, 2024

L-għeluq tal-kafetterija “Prego” fil-Belt Valletta tagħlaq kapitlu ta’ 74 sena

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn CARMEN CACHIA

Il-ħanut “Prego” fit-Triq in-Nofsinhar fil-Belt Valletta wara 74 sena għalaq il-bibien tiegħu. Din l-aħbar wasslet għal nostalġija mal-klijenti numerużi li tul dawn is-snin kollha qattgħu ftit tal-ħin pjaċevoli mal-ħbieb jew kollegi jitkellmu fil-kwiet b’tazza kafè quddiemhom.

Dejjem miftuħ minn kmieni filgħodu, il-kafetterija Prego rat minn kull tip ta’ klijenti, fosthom avukati, ġurnalisti, negozjanti u anke anzjani. Il-Prego, immexxi mill-familja Bezzina mill-1946, huwa wieħed mill-ħwienet fl-istorja tal-Belt Valletta li żgur se jinħass in-nuqqas tas-servizz tiegħu.

Din il-ġimgħa l-paġna tal-Facebook “Social Channel” ħabbret l-għeluq ta’ dan il-ħanut fejn kitbu li żgur kull klijent jiftakar kif il-familja Bezzina kienet tmexxih. Filwaqt li awgurawlhom għall-futur sabiħ, ħafna kienu dawk li rringrazzjawhom għas-servizz lill-komunità u li qatt m’huma se jinsewhom.

Fost kummenti fuq il-midja soċjali kien hemm min qal li l-Prego kien wieħed mill-aħħar ħwienet ġenwini fil-Belt b’ambjent retro. Is-sentimenti ta’ nostalġija u dispjaċir inħassu mill-maġġoranza tan-nies li semgħu bl-aħbar tal-għeluq, mentri ħafna faħħru s-servizz eċċellenti li gawdew minnu bħala klijenti.

Fost l-ikel li kien favorit mill-klijenti ssemmgħu s-sandwiches fejn ħafna kienu qabel imorru lura d-dar wara qadja jew dawra l-Belt, jieqfu l-Prego biex jieklu xi ħaġa ħafifa. Il-kafè, akkumpanjanti b’xi pastizz jew qassata, ukoll kienu popolari ferm għan-nies li kienu jmorru fih, b’mod partikolari mat-turisti.

Dan l-ikona fil-kapitali tagħna żgur li se jibqa’ mfakkar minn ħafna kemm għas-servizz eċċellenti, is-serjetà u l-fatt li kien ħanut fuq stil antik b’ambjent partikolari. Kien hemm klijenti li jiftakruh tul ħajjithom kollha, minn tfulithom sal-anzjanità tagħhom u żgur li issa, ir-rutina li kellhom meta jidħlu l-Belt, mhux se tibqa’ dik li kienet fi żmien il-Prego. 

Ekonomija

Sport