Tuesday, September 16, 2025

L-għoli fil-livell tal-baħar jhedded 1.5 miljun Awstraljan sal-2050 

Aqra wkoll

Miljun u nofs Awstraljan li jgħixu f’żoni kostali jinsabu f’riskju minħabba ż-żieda fil-livelli tal-baħar sal-2050, skont rapport dwar il-klima. L-ewwel Valutazzjoni Nazzjonali tar-Riskju Klimatiku tal-Awstralja bassret perikli klimatiċi aktar frekwenti u severi bħal għargħar, ċikluni, mewġiet ta’ sħana, nixfiet u nirien fil-boskijiet.

L-Awstraljani diġà qed jgħixu bil-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima llum iżda huwa ċar li kull grad ta’ tisħin li jiġi impedet se jgħin lill-ġenerazzjonijiet futuri jevitaw l-agħar impatti fis-snin li ġejjin.

L-Awstralja, pajjiż fost l-aktar li jniġġes fid-dinja ras għal ras diġà laħaq tisħin ta’ aktar minn 1.5C, qal ir-rapport, filwaqt li nnota li bi 3C, l-imwiet relatati mas-sħana f’Sydney jistgħu jiżdiedu b’aktar minn 400% u kważi jittriplikaw f’Melbourne.

Ir-rapport ta’ 72 paġna – rilaxxat jiem qabel ma l-gvern iħabbar il-miri tiegħu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2035 – sab li l-ebda komunità Awstraljana mhi se tkun ħielsa mir-riskji klimatiċi. 

Ir-rapport wissa dwar aktar imwiet relatati mal-mewġa tas-sħana, kwalità tal-ilma aktar baxxa minħabba għargħar qawwi u nirien fil-boskijiet, u valuri tal-proprjetà li se jonqsu b’611-il biljun dollaru Awstraljan.

Sal-2050, ir-rapport sab li n-numru ta’ komunitajiet kostali li jinsabu f’“żoni ta’ riskju għoli u għoli ħafna” fl-Awstralja se jiżdied u jekk il-livelli tal-popolazzjonijiet jibqgħu fil-livelli attwali, dan ifisser li aktar minn 1.5 miljun persuna se jkunu f’riskju.

Ir-rapport qal li ż-żoni fit-Tramuntana tal-Awstralja, flimkien ma’ komunitajiet remoti u s-subborgi ta’ barra tal-bliet ewlenin, kienu partikolarment f’riskju.

Dan se jpoġġi pressjoni fuq is-saħħa, l-infrastruttura kritika, l-ispeċi naturali u l-ekosistemi, u l-industriji primarji, wissa r-rapport, kif ukoll se joħloq sfidi żejda għal dawk li jwieġbu għall-emerġenzi.

Ir-rapport sab ukoll li s-sikek tal-qroll bħall-Great Barrier Reef fi Queensland u n-Ningaloo Reef fl-Awstralja tal-Punent – it-tnejn li huma diġà milquta minn avvenimenti rekord ta’ bliċjar – se jiffaċċjaw riskji ogħla ta’ telf ta’ bliċjar u bijodiversità minħabba oċeani aktar sħan.

B’reazzjoni għar-rapport, il-gvern ħareġ pjan ta’ adattament nazzjonali li ddettalja kif il-gvernijiet federali, statali u lokali jistgħu jaħdmu flimkien biex jindirizzaw il-kwistjonijiet klimatiċi.

L-Awstralja wiegħdet li tnaqqas l-emissjonijiet b’43% sal-2030, iżda hija kkritikata għad-dipendenza qawwija kontinwa tagħha fuq il-fjuwils fossili.

Il-kap eżekuttiv tal-Kunsill dwar il-Klima Amanda McKenzie qalet li s-sejbiet tar-rapport kienu tal-biża’ u appellat lill-gvern biex jimpenja ruħu għal aktar tnaqqis fl-emissjonijiet.

Żiedet tgħid li l-Awstralja ma tistax taffordja mira timida għall-2035 meta d-dejta tal-gvern stess turi l-ispejjeż katastrofiċi tan-nuqqas ta’ azzjoni. 

L-esperti tal-Kunsill dwar il-Klima jsostnu li aktar ma l-Awstralja tkompli tittardja it-tnaqqis profond u sostnut fit-tniġġis tal-klima, aktar se ssir diffiċli li l-komunitajiet ikunu protetti minn mewġiet ta’ sħana, għargħar u nirien tal-arbuxxelli li qed jeskalaw.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport