Sunday, November 24, 2024

“L-għoli tal-ħajja, il-prezzijiet tal-kera u pagi baxxi l-aktar li wasslu għall-faqar fost ir-refuġjati f’Malta”

Studju tal-JRS u l-Aditus

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Li tipprova issib impjieg f’Malta  meta inti refuġjat hi dejjem diffiċli u dan għax xejn mhu kostanti u s-sitwazzjoni dejjem qiegħda tinbidel”.  Din kienet waħda mill-esperjenzi ta’ refuġjat meta tkellem dwar l-esperjenza tiegħu fis-suq tax-xogħol f’Malta. Din l-esperjenza issemmiet f’rapport li tħejja mill-JRS Malta, flimkien mal-fondazzjoni Aditus, għadha kemm nediet rapport investigattiv li jagħti ħarsa lejn il-ġlieda kontra l-faqar minn persuni li jfittxu l-ażil f’Malta.

Ir-rapport jgħid li r-refuġjati ibatu mill-fatt li l-opportunitajiet ta’ xogħol għalihom huma limitati u ħafna drabi huma ikunu ristretti li jaħdmu f’xogħlijiet mhux tas-sengħa u ħafna drabi xogħlijiet iebsa u perikolużi. Joħroġ li huma jiddependu ħafna fuq xogħol staġjonali. L-istess refuġjati tkellmu dwar il-fatt li huma jħossu li jiġu użati u mormijin aktar milli li huma ħaddiema ma’ kumpaniji jew negozju partikolari. 

“Inħossu li jużawna. Iħaddmuna malajr meta jkollhom bżonn imma meta ma jibgħalhomx bżonnha jgħidulna biex nitilqu”, kienet l-esperjenza ta’ wieħed minn dawn l-immigranti. 

Is-sidien iwegħduk salarji … imma wara ftit żmien jgħidulek biex titlaq

Wieħed mir-refuġjai, meta kien intervistat għal dan l-istudju qal li “s-sidien tal-postijiet tax-xogħol jagħmlu ħafna wegħdiet anke fuq is-salarji li jkunu se jtuna. Wara ftit jgħidulna biex nitilqu anke jekk inkunu sejrin tajjeb fuq ix-xogħol”. 

Il-permess tax-xogħol irid jiġġedded kull tliet xhur

Refuġjati oħra tkellmu fuq burokrazija li teżisti u problemi oħra. “Ħafna mir-refuġjati u immigranti li ma ngħatawx status ta’ refuġjat, għandhom bżonn is-sid ta’ post tax-xogħol biex japplikalhom għax-xogħol.  Il-permess tax-xogħol irid jiġġedded kull tlett xhur. Dan jiskoraġġik”. 

Immigrant ieħor jgħid li “ħafna sidien ta’ postijiet tax-xogħol ma jkunux jistgħu jistennew tlett xhur sakemm  jinħareġ il-permess tax-xogħol. Anki għalina, ma nkunux nistgħu nibqgħu tlett ġimgħat weqfin”.

Kummenti oħra kienu li “eventwalment aħna sfurzati inmorru l-Marsa u noqogħdu hemm nistennew xi ħadd jiġi bix-xogħol”.

Xi drabi mort niekol mingħajr ma norqod

L-immigranti jitkellmu dwar l-għoli tal-ħajja u kif dan qed jaffettwahom. Jitkellmu kif spiċċaw fil-faqar. Jgħidu li jkollhom jagħmlu prijorità fosthom li jibqgħu bil-ġuħ biex ikollhom flus biex jixtru biljetti għal karozza tal-linja biex imorru għax-xogħol.

“Xi drabi ikolli nagħmel sagrifiċċju u norqod mingħajr ma niekol”, ikun il-kumment li jgħaddi wieħed mill-immigranti. 

Intant ir-rapport, li joffri investigazzjoni dettaljata fuq l-isfidi li jaffaċjaw refuġjati u persuni li qed ifittxu l-ażil, iħares lejn l-esklużjoni soċjali li jaffaċjaw f’Malta, speċjalment meta kkumparat mal-bqija tal-popolazzjoni Maltija.

F’konferenza li saret fil-Kampus tal-Università l-Antika fil-Belt Valletta, ġew imnedija żewġ dokumenti relatati: wieħed dwar l-investigazzjoni u dokument ieħor dwar l-istejjer ta’ individwi li tkellmu mar-riċerkaturi. 

Ir-rapport, miktub minn Dr Julian Caruana u Dr Alexia Rossi, sab kif l-għoli tal-ħajja, il-prezzijiet għoljin tal-kera kif ukoll l-istaġnar fil-pagi kienu fost l-iktar fatturi li kkontribwixxew għall-faqar fost il-popolazzjoni ta’ refuġjati f’Malta.

L-investigazzjoni sabet ukoll li minħabba nuqqas t’abbiltà fil-lingwa Ingliża u Maltija, in-nuqqas ta’ edukazzjoni bażika, diskriminazzjoni razzjali u nuqqas fl-abbilitajiet relatati ma’ xogħol varju, persuni li qed ifittxu l-ażil huma limitati ħafna fejn jidħol is-suq tax-xogħol lokali.  

Ir-riċerka turi kif persuni li qed ifittxu l-ażil, jaffaċċjaw faqar u esklużjoni soċjali mill-mument li jibdew il-ħajja tagħhom f’Malta. Mill-intervisti li saru jidher ċar li hemm sistema li qed tonqos milli tkun ta’ sapport għal persuni biex ikunu jistgħu jsostnu lilhom infushom. Il-parteċipanti, jgħid l-istħarriġ, joħorġu miċ-ċentri miftuħa bl-istess nuqqasijiet fil-ħiliet u kompetenzi tagħhom u mingħajr ebda prospettiva ta’ impjieg. 

Finalment ir-rapport joħroġ bi tliet suġġerimenti ewlenin: 

  • Qed nisħqu biex il-gvern jirrevedi r-regolamenti li ma jippermettux refuġjati milli jkollhom impjieg f’pożizzjonijiet pubbliċi. Is-servizz pubbliku Malti għadu esklussivament limitat għal persuni ta’ nazzjonalità Maltija, filwaqt li persuni minn pajjiżi terzi jibqgħu mhux eliġibbli. Li l-gvern jintroduċi l-opportunità biex refuġjati japplikaw għal xogħlijiet ma’ entitajiet tal-gvern iwassal messaġġ li l-gvern jafda r-refuġjati biex ikunu parti mis-sistema u b’hekk entitajiet oħrajn jiġu mħeġġa jagħmlu l-istess.
  • Nappellaw lill-gvern biex jindirizza r-razziżmu b’id iktar soda. Is-soluzzjonijiet li ħarġu s’issa għadhom dgħajfa, inviżibbli u magħmulin nofs sajran. Mill-intervisti joħroġ ċar li hemm il-mentalità li refuġjat ma jistax jassigura xogħol fiss b’kundizzjonijiet tajbin b’bażi tal-premessa li huma ma jistħoqqilhomx trattament uman u xieraq.
  • Finalment appellaw lill-gvern biex ir-refuġjati jingħataw id-dritt tal-vot, u l-possibilità li jikkontestaw elezzjoni ġenerali. Wara iktar minn għoxrin sena jgħixu f’pajjiż li offrielhom l-ażil u protezzjoni, issa wasal iż-żmien biex il-gvern jilqa’, b’mod komplet, l-integrazzjoni ta’ persuni refuġjati. Dan billi jeleva l-pożizzjoni tagħhom fis-soċjeta’ Maltija, billi r-refuġjati ma jibqgħux is-suġġett politiku, imma jsiru huma wkoll entita’ li għandha sehem fil-politika Maltija.

Sport