Tuesday, May 27, 2025

L-għoli tal-ħajja m’għandux ikun ballun politiku

Aqra wkoll

Bla dubju l-għoli tal-ħajja huwa piż fuq kull familja. Piż li jinħass itqal minn dawk il-familji bi dħul baxx jew huma l-aktar fil-bżonn. Għalhekk, it-trażżin tal-għoli tal-ħajja m’għandux jiġi politiċizzat imma għandu jkun prijorità f’kull aġenda ta’ kull Gvern. 

Pajjiżna, minħabba ċ-ċokon u l-limitazzjonijiet tiegħu kif ukoll in-nuqqas ta’ riżorsi naturali, biex jgħix ikollu jimporta ħafna mill-prodotti li jikkonsma minn pajjiżi barranin. U għalhekk dan iħalli impatt fuq l-għoli tal-ħajja domestika billi l-inflazzjoni tkun qiegħda tiġi importata bla ma l-pajjiż ikollu kontroll fuqha.

Għal xhur sħaħ, il-Partit Nazzjonalista ilu jagħmel ballun politiku minn dan is-suġġett sensittiv, u ilu jitfa’ t-tort fuq il-Gvern kull darba li l-istatistika turi xi żieda, anke jekk insinifikanti, fl-inflazzjoni. Donnu li l-Partit Nazzjonalista nesa li l-prinċipju tas-suq ħieles ma jħallix lill-Gvern li jikkontrolla l-prezzijiet għax is-suq ħieles ikun qed jiġi mfixkel. Din hija waħda mill-konsegwenzi tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea illi tenfasizza s-suq ħieles u allura m’għandu jkun hemm l-ebda ndħil mill-Gvern.

Ħadd ma jista’ jiċħad, ħlief il-Partit Nazzjonalista, li l-Gvern ilu żmien twil jinċentiva miżuri biex irażżan l-għoli tal-prezzijiet li kkargaw l-ewwel bil-pandemija tal-Covid-19 u komplew jintensifikaw kaġun tal-gwerra fl-Ukrajna. 

Kien mnalla li l-Gvern qed jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija u tal-qmugħ għaliex kieku l-għoli tal-ħajja f’Malta kienet tkun ħafna akbar u agħar milli hi fil-fatt illum. Dawn is-sussidji kollha jikkumplimentaw id-diversi miżuri soċjali li jitħabbru f’kull budget minn sena għall-oħra. 

Biex jiġġustifika l-argument politiku tiegħu, il-PN qed jgħid li l-għoli tal-ħajja qed tkompli tkisser lill-familji. Hu minnu li hemm familji li qed iħossuhom marsusin mill-għoli tal-prezzijiet imma nemmnu li l-proposti li ħareġ bihom il-PN mhumiex jsolvu għalkollox il-problema tal-għoli tal-ħajja, li wara kollox jekk inħarsu lil hinn minn pajjiżna, naraw li pajjiżi oħra anke dawk viċin tagħna għadhom jogħtru quddiem inflazzjoni ferm akbar minn tagħna l-Maltin. 

Dan ma jfissirx li l-Gvern m’għandux ikompli jieħu miżuri li jinċentivaw it-trażżin tal-għoli tal-prezzijiet. Anke jekk ikun hemm xi ftit negozjanti li jaħsbu li jistgħu jgħollu l-prezzijiet kif u meta jridu. Bħala poplu rridu napprezzaw illi l-miżuri soċjali li qed jieħu l-Gvern, inkluż l-aġġustament għall-għoli tal-ħajja, qed jgħinu lill-familji Maltin mhux biss ikampaw mal-għoli tal-prezzijiet imma wkoll li jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar milli kellhom fl-imgħoddi. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport