Il-Bank HSBC għamel referenza għal avviżi li kienu nħarġu fir-rigward tar-reviżjoni strateġika minn HSBC Holdings plc (HSBC Holdings) tal-ishma indiretti tagħha ta’ 70.03% fil-Bank u rigward il-proċess tal-għoti ta’ informazzjoni b’mod kunfidenzjali lix-xerrejja prospettivi.
Il-Bank qal li ġie infurmat minn HSBC Holdings li ġie identifikat xerrej preferut u li daħal f’diskussjonijiet ma’ CrediaBank S.A. (li qabel kien magħruf bħala Attica Bank) fir-rigward tal-maġġoranza tal-ishma tagħha fil-Bank.
Fi stqarrija, HSBC Holdings avża li s’issa għadu ma ntlaħaq l-ebda ftehim u li r-reviżjoni strateġika għadha għaddejja. Intqal li kwalunkwe tranżazzjoni potenzjali tkun soġġetta għal numru ta’ kundizzjonijiet inkluża l-approvazzjoni regolatorja kemm mill-MFSA kif ukoll mill-Bank Ċentrali Ewropew (ECB), proċess li mistenni jieħu diversi xhur sakemm jintlaħaq il-ftehim.
HSBC Holdings ikkonferma li se jibqa’ impenjat li jappoġġja lill-Bank, lill-klijenti tiegħu u lill-impjegati matul dan il-proċess. Il-Bank ikkonferma wkoll li l-operat għall-klijenti se jibqa’ b’mod normali.
Intqal li l-Bank se jkompli jipprovdi informazzjoni lis-suq skont l-obbligi tiegħu taħt ir-Regolamenti tas-Swieq Kapitali tal-MFSA.