Monday, November 4, 2024

L-HSBC Malta rebbieħ tal-Premju Nazzjonali għas-Settur tal-Volontarjat

Aqra wkoll

F’Diċembru il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat organizza l-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat 2022. Il-premjijiet, ilhom jinżammu sa mill-2011, taħt il-patroċinju tal-E.T. il-President ta’ Malta Dr. George Vella, għandhom l-għan li jirrikonoxxu x-xogħol ta’ nies li qed jagħtu kontribut pożittiv lis-soċjetà u li huma ta’ ispirazzjoni għal oħrajn.

Din is-sena kien hemm ħames premjijiet li huma: il-Voluntier tas-Sena, il-Voluntier Żagħżugħ/a tas-Sena, l-Organizzazzjoni Volontarja tas-Sena, il-Kumpanija Volontarja tas-Sena, u premju ġdid sponsorjat mill-Kummissarju għas-Settur tal-Volontarjat, il-Premju Victor Calvagna – Tfal fil-Volontarjat.

Il-premjijiet ingħataw fil-preżenza tal-E.T. il-President ta’ Malta Dr. George Vella; il-Ministru għall-Inklużjoni, l-Organizzazzjonijiet Volontarji u l-Affarijiet tal-Konsumatur, l-Onor. Julia Farrugia Portelli; iċ-Chairperson tal-Kunsill Dr. Noel Camilleri; il-Kummissarju għas-Settur tal-Volontarjat, is-Sur Jesmond Saliba; u l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill, is-Sur Mario Pace Parascandolo.

Matul l-avveniment, l-HSBC Bank Malta kien onorat bħala rebbieħ tal-Premju għall-Kumpanija Volontarja tas-Sena.

“HSBC Malta hu impenjat li jappoġġja lill-komunità li aħna nservu permezz ta’ diversi attivitajiet volontarji,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC Malta u Chairman tal-HSBC Malta Foundation, Simon Vaughan-Johnson.

Huwa kompla jgħid li dan il-premju kien possibbli grazzi għall-involviment dirett u l-impenn tal-istaff u tax-xogħol kollu li sar mill-HSBC Malta Foundation. “Il-Premju għall-Kumpanija Nazzjonali li tassisti lis-Settur Volontarju, hu ta’ kull wieħed u waħda mill-istaff tagħna li għal darb’oħra ddistingwew ruhom fis-servizz lill-komunità,” temm jgħid il-Kap Eżekuttiv Vaughan-Johnson.

Sport