Fl-intervista mal-kowċ tal-arti marzjali Noel Mercieca ħarġet ukoll il-problema kbira tal-ibbuljar speċjalment fl-iskejjel. Mercieca qal li fil-karriera sportiva tiegħu ra persuni li jiġu għal taħriġ fl-arti marzjali minħabba li jkun hemm biża’ u jkollhom ix-xewqa li joħorġu minn sitwazzjoni ta’ abbuż fiżiku. “Dak li jkun mhux dejjem jgħid minn xiex għaddej iżda tinduna. Jien fil-gym għandi studenti vittmi kemm ta’ vjolenza domestika, kif ukoll ta’ ibbuljar. Ma nafx kemm rajt tfal u żgħażagħ li batew u għad hemm min qiegħed ibati minħabba ibbuljar. L-ibbuljar ma jieqafx,” qal imħasseb Mercieca.
“It-teknika tas-self defence għandha tiddaħħal fl-iskejjel kollha”
Noel Mercieca
Huwa qal li meta jitkellem mat-tfal u ma’ ġenituri, jara kemm il-problema tal-ibbuljar hija mifruxa. “Min jaf kemm rajt u għadni nara wisq tfal li jbatu minħabba ibbuljar tant li nibża’ li din hija problema li mhija se tispiċċa qatt,” stqarr Mercieca. Proprju minħabba din is-sitwazzjoni, li qiegħda tolqot l-aktar tfal u żgħażagħ fl-iskejjel, huwa jemmen bis-sħiħ li t-teknika tas-self defense għandha tiddaħħal fl-iskejjel kollha ta’ Malta.
Mercieca semma’ każ ta’ tifel vittma ta’ ibbuljar fl-iskola li kien ġabu missieru biex jitgħallem miegħu. Huwa qal li l-istorja ta’ dan it-tifel hija waħda ta’ suċċess fejn wasal biex anke jikkompeti.