Hannibal Gaddafi, l-iżgħar fost l-ulied ta l-eks dittatur Libjan Muammar Gaddafi, inħeles mill-ħabs fil-Libanu wara kważi 10 snin fejn kien qed jinżamm mingħajr ma għadda proċess. L-awtoritajiet Libaniżi kienu qabdu Hannibal Gaddafi, li issa għandu 49 sena, fl-2015, u akkużawh li ħeba informazzjoni dwar x’ġara minn kleriku Xiita Libaniż li għeb fil-Libja fl-1978.
Gruppi tad-drittijiet tal-bniedem kienu ddenunzjaw l-akkużi miġjuba kontriħ. L-avukat tiegħu, Laurent Bayon qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet AFP li Gaddafi inħeles fuq pleġġħallset.
F’Ottubru, imħallef stabbilixxa garanzija ta’ $11-il miljun kontra l-ħelsien ta’ Gaddafi iżda din tnaqqset il-ġimgħa li għaddiet wara appell mit-tim tad-difiża tiegħu.
Ikkwotat mill-aġenzija tal-aħbarijiet AFP, l-avukat tiegħu qal li jekk Gaddafi seta’ jinżamm arbitrarjament għal 10 snin, dan kien għaliex is-sistema tal-ġustizzja fil-Libanu ma kinitx indipendenti.
Fl-2015, Hannibal Gaddafi nħataf għal żmien qasir minn grupp armat fil-Libanu u nħeles aktar tard wara. Huwa kien inżamm mill-awtoritajiet Libaniżi.
Wara li missieru, l-Kurunell Mu’ammar Gaddafi tneħħa mill-poter mir-ribelli u nqatel fl-2011, huwa ħarab lejn is-Sirja u mbagħad għex taħt arrest domiċiljari fl-Oman ma’ martu Aline Skaf. Qabel il-waqgħa tar-reġim ta’ missieru, huwa kien magħruf għall-istil ta’ ħajja lussuża li kien jgħix.
L-għajbien tal-kleriku Xiita Musa al-Sadr fil-Libja fl-1978 dakinhar kien is-sors ta’ tensjoni bejn il-Libja u l-Libanu għal għexieren ta’ snin sħaħ.
Hannibal Gaddafi kellu biss sentejn dak iż-żmien u meta kiber ma kellu l-ebda pożizzjoni għolja fil-gvern tal-Libja.

