Tuesday, February 25, 2025

L-idea tal-Malta School Games ġiet minn viżjoni ċara li rridu nagħtu aktar importanza lill-isport fi ħdan l-iskejjel tagħna – Jude Zammit

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Direttur Ġenerali fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni.

Bħala Direttur Ġenerali fi ħdan dan il-Ministeru, jien responsabbli mill-kordinazzjoni u t-twettiq ta’ inizjattivi li jippromwovu l-iżvilupp ta’ kull student. Dan jinkludi l-iżgurar ta’ edukazzjoni ta’ kwalità, l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi li jsaħħu l-opportunitajiet ta’ tagħlim u taħriġ, u t-tisħiħ tal-kultura sportiva fost iż-żgħażagħ tagħna. Fl-istess ħin, irridu nassiguraw li l-isport ikun aċċessibbli għal kulħadd, kemm f’livell kompetittiv kif ukoll bħala mezz ta’ ħajja b’saħħitha u attiva.

F’Mejju li ġej se jkunu organizzati għall-ewwel darba f’pajjiżna l-Malta School Games. Kif ġiet l-idea rigward dawn u x’qed nistennew?
L-idea tal-Malta School Games ġiet minn viżjoni ċara li rridu nagħtu aktar importanza lill-isport fi ħdan l-iskejjel tagħna u noħolqu pjattaforma li tippermetti lill-istudenti jesperjenzaw kompetizzjonijiet f’livell nazzjonali. Din l-inizjattiva hija allinjata mal-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni li tenfasizza l-importanza ta’ stil ta’ ħajja b’saħħtu, il-benesseri tal-istudenti u l-iżvilupp ta’ ħiliet permezz tal-isport. L-għan ewlieni hu li mhux biss ninkoraġġixxu aktar studenti biex jieħdu sehem fl-isport, iżda wkoll li nrawmu valuri bħat-timwork, id-dixxiplina, ir-rispett u s-saħħa fiżika u mentali.

Qegħdin nistennew li dawn il-logħob joffru esperjenza unika għal eluf ta’ studenti minn skejjel tal-Istat, Indipendenti u tal-Knisja, b’varjetà ta’ dixxiplini sportivi li jkopru kemm l-isports f’tim kif ukoll individwali. Se tkun ukoll opportunità tajba biex l-istudenti jiltaqgħu, jikkompetu b’mod sportiv u jsaħħu l-ħiliet tagħhom f’diversi dixxiplini.

Huwa skedat li dawn jibqgħu jsiru kull sena?
Iva, il-Malta School Games huma ppjanati biex isiru kull sena bħala parti mill-kalendarju sportiv nazzjonali. L-għan tagħna huwa li nibnu fuq is-suċċess ta’ din l-ewwel edizzjoni u nsostnu dan l-avveniment b’aktar parteċipazzjoni, involviment akbar tal-iskejjel u aktar diversità fid-dixxiplini sportivi offruti.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jieħu sehem f’dawn il-Logħob.
Lil kull student li jixtieq jieħu sehem fil-Malta School Games, ninkoraġġikom biex tieħdu din l-opportunità b’entużjażmu u determinazzjoni. L-isport mhux biss jirrappreżenta kompetizzjoni, iżda huwa wkoll mod kif tibnu ħbiberiji, tapprezzaw ix-xogħol f’tim u tiżviluppaw ħiliet importanti għall-ħajja. Agħmlu l-almu tagħkom, igawdu l-esperjenza u, fuq kollox, ħudu pjaċir tagħmlu dak li tħobbu!

Aħna ninsabu ħerqana li narawkom fil-Malta School Games u nawguraw lil kulħadd suċċess f’din l-esperjenza sportiva.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport