Monday, December 23, 2024

L-identità u l-Kultura Maltija… qed tissaħħaħ jew tiċkien?

Aqra wkoll

L-arti, il-kultura, l-ilsien u d-drawwiet huma s-sinsla tal-identità ta’ poplu. Huma l-ingredjenti li mhux biss isawru imma wkoll li jiddistingwu ġens minn ieħor. Huma wkoll fatturi biex lil kull ċittadin jagħmluh kburi b’pajjiżu. Għax li wieħed ikun kburi b’pajjiżu ma jfissirx li jkun qed jesprimi sentimenti ta’ nazzjonaliżmu estrem.

Iżda, f’dan kollu, kemm il-Maltin għadhom jew qed jibżgħu għal dak kollu li huwa Malti? Kemm il-Maltin għadhom illum qed jgħixu l-ispirtu ta’ dik l-għajta ‘Jien Maltija, miskin min ikasbarni’? 

Nistqarru dan f’diversi kuntesti. Għad hawn familji u ġenituri li jiddandnu jkellmu l’uliedhom b’ilsien ieħor u mhux b’ilsien l-omm li tatna isimha. Ma rridux ngħidu xejn minn dan, anzi l-ulied ikunu qed jipprattikaw ilsien u dan huwa ħaġa tajba. Il-ħażin imma hi dik sitwazzjoni li l-ilsien barrani nużawh  għas-skapitu tal-Ilsien Malti.

Mhux darba minn dawn il-kolonni tkellimna dwar hekk u dwar il-ħsara li tista’ ssir lil dak kollu li huwa tagħna, mhux l-inqas l-ilsien Malti. Imma forsi dan huwa effett jew riflessjoni ta’ millenji ta’ snin ta’ ħakma barranija fuqna. Jekk inhu hekk, allura għandna għax nifhmu illi tul it-58 sena ta’ Indipendenza, bħala poplu ma tgħallimna xejn. Anki wkoll jekk l-ilsien taghna l-Maltin huwa l-uniku lsien semitiku fost li stati membri tal-Unjoni Ewropea.

Jekk imbagħad inħarsu lejn xi kwalità ta’ programmi dwar l-arti u l-kultura li jsiru fuq il-mezzi tax-xandir lokali faċli nintebħu li f’uħud minn dawn il-programmi tkun tinħass mentalità kolonjali. Għax mhux darba assistejna għal intervisti u rakkonti ta’ Maltin ma’ Maltin isiru bi lsien ieħor u mhux bil-Malti. 

F’kuntest ieħor, il-midja soċjali wkoll iġġorr parti mill-ħtija u r-responsabbilta għat-tkissir tal-grammatika u l-ortografija Maltija. Il-mod kif ikunu miktuba ħafna ‘posts’ jixhed li min jiktibhom qajla jinteressah jekk hux qed juża tajjeb l-ortografija tal-Malti. L-aqwa li jħarbex biex iwassal il-messaġġ.

Għalhekk, hemm bżonn li l-Maltin, mill-kbir saż-żgħir, jagħrfu japprezzaw iktar is-sbuħija ta’ dak kollu li jagħtina identità, ta’ dak kollu li bi kburija jagħmilna poplu distint u differenti minn ġnus oħra.

Ekonomija

Sport