Sunday, July 27, 2025

L-IĠM tikteb lill-Prim Ministru dwar is-sitwazzjoni f’Gaża

Aqra wkoll

Hekk kif is-sitwazzjoni fil-Medda ta’ Gaża kompliet tmur għall-agħar b’aktar nies qegħdin imutu bil-ġuħ, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin kiteb ittra lill-Prim Ministru Robert Abela fejn wera t-tħassib tal-membri ġurnalisti.

“Bħalissa d-dinja qiegħda tara wieħed mill-agħar katastrofi umanitarji li qatt… Nesprimu solidarjetà kollha maċ-ċivili i qed imutu llum għax id-dinja ma tazzardax taġixxi b’mod deċiżiv, u mal-ġurnalisti sħabna li, minkejja kollox, ikomplu jwettqu dmirijiet ġurnalistiċi tagħhom,” kitbu grupp ta’ ġurnalisti Maltin lill-Prim Ministru.

“Sfortunatament, il-Gvern Malti qed juri trażżin fi żmien meta kull stat għandu juri kuraġġ. Qed naraw il-ġuħ tan-nies f’Gaża – nies li ilhom jiem ma jkollhom aċċess għall-ikel, l-ilma, il-provvisti ta’ mediċi, jew djar fejn jgħixu. It-tfal qed imutu f’dirgħajn ġenituri li ma jistgħux jitimgħuhom. Fl-isptarijiet, it-trabi qed isofru minn malnutrizzjoni severa, filwaqt li l-konvojs tal-għajnuna umanitarja għadhom imblukkati. Dan mhuwiex ir-riżultat ta’ diżastru naturali – hija deċiżjoni politika, forma ta’ kastig kollettiv orkestrat mill-gvern Iżraeljan,” tgħid l-ittra tal-IĠM lill-Prim Ministru.

Dak li qiegħed jiġri f’Gaża llum hu atti krimini ta’ gwerra u atti kriminali kontra l-umanità, hekk kif il-ġuħ qiegħed jintuża bħala arma, kif ukoll qegħdin jiġu mċaħħda minn affarijiet l-aktar bażiċi fil-ħajja fosthom mediċina u ilma tajjeb għax-xorb.

L-ittra tkompli tgħid li skont figuri tal-IFJ s’issa 187 ġurnalist jew ħaddiema fil-midja ġew maqtulin minn meta bdiet il-gwerra f’Gaża… il-qtil tagħhom jibgħat messaġġ perikoluż ħafna fejn xi ħadd ma jridx li l-verità toħroġ fil-pubbliku. 

“Is-silenzju u n-nuqqas ta’ azzjoni ta’ Malta dwar il-ksur tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael, flimkien man-nuqqas ta’ kundanna ċara tal-attakki fuq il-ġurnalisti, huma diżappuntanti kbir. Anke l-għajnuna umanitarja mħabbra titlef is-sinifikat tagħha mingħajr deċiżjoni u pożizzjoni politika soda,” tkompli tikteb l-IĠM.

“Nitolbu li l-Gvern ta’ Malta jiddefinixxi b’mod ċar il-pożizzjoni tiegħu dwar il-ġenoċidju/jew il-krimini tal-gwerra u l-krimini kontra l-umanità f’Gaża, jieqaf jinħeba wara formulazzjonijiet newtrali, u ma jibqax jevita li jieħu azzjonijiet konkreti.

“Aħna nitolbu li Malta tappoġġja pubblikament u uffiċjalment is-sospensjoni tal-ftehim bejn l-UE u Iżrael, l-evakwazzjoni urġenti taċ-ċivili f’periklu immedjat, sejħiet internazzjonali biex ġurnalisti barranin jitħallew jaċċessaw Gaża, il-protezzjoni tar-reporters lokali, u sejħiet għal investigazzjoni internazzjonali dwar il-ġuħ li hemm fiż-żona bħala delitt tal-gwerra,” tgħid l-ittra mibgħutha lill-Prim Ministru Robert Abela.

Fost il-ġurnalisti li ffirmaw din l-ittra hemm, Victor Vella u Carmen Cachia li huma ġurnalisti ma’ UnionPrint.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport