L-IGM ħareġ b’kundanna qawwija kontra kliem ta’ theddid serju u dispreġġjattiv li sar fil-konfront ta’ ġurnalisti waqt il-qadi ta’ dmirijiethom dinil-ġimgħa. Dan waqt l-akkuża tal-Erbgħa b’rabta mas-serq tad-droga f’Ħal Safi, fejn ġurnalisti u camerapersons ġew iffilmjati, mhedda u segwiti waqt li kienu qegħdin iwettqu dmirijiethom barra l-Qrati tal-Liġi. Sar kliem fost l-oħrajn ‘tigdibx għax nimmankak’ u ‘jekk issemmi l-każ ta’ ħut naqbad intiha fuq il-kamera’.
Fi stqarrija l-IĠM qal li huwa konxju ta’ inċident fejn żewġ ġurnalisti u cameraman ġew iffilmjati u mhedda mill-qraba tal-akkużati. F’inċident ieħor l-istess qraba segwew ġurnalist ieħor u xeħtu insulti lejhom hekk kif kienu qegħdin joħorġu mill-bini tal-qorti.
L-IĠM ikkundanna l-inċidenti u huwa solidali mal-ġurnalisti milquta fejn enfasizza li, “dan ifakkarna lkoll fil-perikli reali li jiffaċċjaw il-ġurnalisti fil-qadi ta’ dmirhom”.
Filwaqt li l-IĠM jirringrazzja lill-Pulizija għar-rispons pront tagħhom għat-theddid u talli ttieħdu miżuri biex tkun żgurata l-protezzjoni ta’ ġurnalisti fuq il-post waqt u wara s-seduta. L-IĠM qiegħed ħeġġeġ ukoll biex il-Pulizija biex jieħdu passi kriminali kontra l-aggressuri.