Nistgħu faċilment ngħidu li kull artikolista jikteb dwar Jum il-Ħelsien kull sena. Huwa jum li diffiċli jkollna ieħor bħalu u li jeżistu ħafna stati akbar minnha li qatt ma kellhom bħalu. U kif mistħoqq l-artiklu tiegħi tal-lum huwa dwar l-awtur ta’ Jum il-Ħelsien Dom Mintoff. Iżda b’laqta differenti.
Nista’ ngħid li jien intiża fl-istorja ta’ Napuljun u għadni ‚ngħix’ din l-istorja grandjuża fl-istorja tal-Ewropa b’mod attiv billi jien membru wkoll tal-Għaqda Napoleonika Maltija u Pan-Ewropea. Dħalt f’ħafna mużewijiet ta’ Napuljun u rajt anke gazzetti ta’ żmienu li rridikolawh.
F’xi artiklu minn tiegħi ażżardajt inqabbel lil Mintoff ma’ Napuljun għax sinċerament nara ħafna tixbih bejn wieħed u l-ieħor. Jista’ jkun li xi wħud jaħsbu li qed neżaġera iżda l-assomiljanza hija viżibbli u tanġibbli.
Għalhekk is-sena l-oħra meta sirt naf li l-karikaturista Ingliż Richard Cole fl-1970 għażel li proprju jlibbes lil Mintoff il-ħwejjeġ ta’ Napuljun li qed ikeċċi lill-Ingliżi ’l barra sabiex jirrappreżentah, ħassejt ċertu sodisfazzjon. Dan għaliex sirt naf li mhux waħdi rajt it-tixbih. Barraminhekk, Cole ma kienx Malti. La jista’ jiġi influenzat favur u lanqas kontra Mintoff.
U hekk hu, lil Mintoff inpoġġih bħala l-ikbar fost il-kbar. Għalkemm kull pajjiż ikollu biss mexxej wieħed meta wieħed jevalwa l-pajjiżi kollha matul iż-żmenijiet kollha huma biss ftit li jispikkaw.
Għax mexxej kbir mhux sempliċement mexxej tajjeb. Huwa jbiddel ir-rotta tal-istorja, tal-pajjiż. Warajh jinbidel kollox – saħansitra l-mod tal-ħsieb. Bħall-Caravaggio fl-arti.
U hija proprju unicità bħal din li tagħżel il-mexxejja fl-istorja. L-ewwelnett kemm Mintoff kif ukoll Napuljun kienu viżjonarji u emmnu f’dinja differenti anke jekk il-prinċipji/l-ideat ma ħolquhomx kollha huma (Mintoff ma ħoloqx is-Soċjaliżmu u lanqas Napuljun ma ħoloq il-prinċipji tal-ugwaljanza, libertà u fraternità). Iżda t-tnejn li huma għamluhom moviment u istituzzjoni legali. It-tnejn li huma kienu nies li ġejja mill-klassi l-‘baxxa’ fi żmenijiet meta anke biex tistudja l-bibien kollha kienu magħluqa.
It-tnejn li huma kienu magħrufa għall-qlubija, għal kemm kienu rashom iebsa u negozjaturi diffiċli. It-tnejn kellhom jiġġieldu waħedhom mhux biss kontra n-nobbiltà ta’ pajjiżhom iżda wkoll kontra l-Knisja: żewġ klassijiet stabbiliti għal eluf ta’ snin. Il-ġlieda tagħhom għalhekk kienet waħda doppja. It-tnejn li huma ikkonvinċew ħafna mill-poplu tagħhom b’mod li ssaħħru warajhom b’lealtà infinita u kienu kariżmatiċi. Il-qlubija tat-tnejn ukoll ma ħarġitx biss fil-politika iżda wkoll fil-ħajja tagħhom. Pereżempju, Mintoff kien magħruf li jirkeb iż-żwiemel u jgħum kuljum. L-ironija hija wkoll li Mintoff fuq iż-żiemel ifakkarna wisq f’Napuljun.
Ovvjament kif jidher fil-karikatura ta‘ Cole, it-tnejn li huma ġġieldu lill-Ingliżi għalkemm b’mod differenti. U t-tnejn li huma nistgħu ngħidu li apparti li ħolqu moviment, kissru wkoll is-sistema ta’ qabilhom. Imma l-moviment ta’ warajhom kien dejjiemi u biex jerġa’ jitkisser jeħtieġ Napuljun jew Mintoff ieħor – li ma niltaqgħux magħhom kuljum! Fil-fatt fil-każ tat-tnejn kulħadd kien jaf li l-mewt biss tista’ ssikkithom (Napuljun reġa’ lura Franza wara Elba) u Mintoff reġa’ lura fil-politika fiż-żmien tad-dħul fl-Unjoni.
It-tnejn li huma f’ħajjithom ma ħabbewx biss politika imma wkoll l-arti u l-kultura. Bħalma Napuljun ikkonserva l-piramidi tal-Eġittu u ħa akkademiċi u esperti fuq ix-xwieni tiegħu biex jesploraw il-flora u l-fawna tal-artijiet li jżuru, hekk ukoll Mintoff ħaseb fil-monumenti, fl-innijiet, fil-musical u fil-kantanti ta’ Malta ġdida. Min-naħa l-oħra t-tnejn li huma kienu wkoll umani u bla dubju żbaljaw. Iżda dan ftit li xejn naqqsilhom.
Dan għaliex għalkemm huma kitbu ħafna dwar dak li emmnu fih, iktar kiteb fuqhom ħaddieħor kemm matul ħajjithom u kif ukoll wara mewthom. Fil-każ ta’ Napuljun wara li ġie hu, Franza saret Imperu u llum pajjiż importanti fuq livell internazzjonali. Fil-każ ta’ Mintoff Malta saret l-unika gżira interament indipendenti fil-Mediterran, b’siġġu u vot fl-UE u fil-Ġnus Magħquda u li mhix bażi militari Ingliża. Fil-każ tat-tnejn, saħansitra min iġġieled kontrihom baqa’ magħruf.
U l-assomiljanzi jkomplu. U l-istorja tibqa’ tfakkarhom it-tnejn. Minn perspettivi differenti. U fil-ġejjieni, il-legat tagħhom iktar milli megħlub, jista’ biss jiżviluppa, jinbidel u jġib politika ġdida bil-konsegwenzi ta’ dak li għamlu huma. Imma t-tmiem tal-influenza tagħha mhu ser jasal qatt. Huwa għalhekk li għandna nkunu dejjem kburin li kellna wieħed mill-ikbar fost il-kbar.
Lorna Borg Vassallo studjat Liġi bi speċjalizzazzjoni fil-Liġi tal-UE. Ser tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss fuq id-9sa’ u l-10ar distrett. Ilha tikteb fuq ‘L-Orizzont’ sa mis-sena 2000 b’intervalli qosra. Għal aktar artikli www.vassallolorna.com

