Tuesday, November 11, 2025

L-ikbar investiment kapitali fl-ambjent 

- Biljun ewro f’għajnuniet f’kontijiet dawl, LPG u fjuwils

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika qed igawdi mill-ikbar vot kapitali b’€275 miljun għas-sena d-dieħla, b’Budget li huwa erba’ darbiet aktar minn dak ta’ Gvern Nazzjonalista. 

Dan ikkonfermatu l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli waqt diskussjoni Parlamentari dwar l-estimi finanzjarji tal-Ministeru.

“L-ekonomija b’saħħitha li għandna hija l-bażi mhux biss biex ngħinu n-nies direttament, imma biex noħolqu l-ambjent u l-infrastruttura li jixriqilhom.  Qed inwettqu proġett wara ieħor u qed nieħdu deċiżjonijiet strateġiċi li għandhom l-għan li jagħtu direzzjoni ġdida fejn meħtieġ. Dan il-Ministeru jinsab fuq quddiem nett ta’ din il-bidla,” qalet il-Ministru Dalli.

Spjegat kif dan l-investiment qed imur fi spazji miftuħa biex jitgawdew min-nies u f’infrastruttura aħjar, fl-oqsma tal-enerġija, ilma u immaniġġjar tal-iskart fost oħrajn. 

Fuq l-ispazji miftuħa, il-Ministru Dalli qalet li fl-aħħar tliet snin, il-Ministeru għall-Ambjent u l-entitajiet tiegġu implementaw 61 proġett. Fost proġetti oħra li għaddejjin bħalissa, il-Ministru Dalli rreferiet għal skema li permezz tagħha 35 skola madwar Malta u Għawdex se jirċievu għajnuna finanzjarja sabiex iwettqu proġetti ambjentali u joħolqu spazji ħodor, ġonna edukattivi u żoni ta’ rikreazzjoni sostenibbli fl-iskejjel tagħhom.

“Qatt daqs illum ma saru proġetti u investimenti fi spazji miftuħa. Bħalma bl-istess mod qed nieħdu deċiżjonijiet strateġiċi – fosthom li l-White Rocks jinbidel fi spazju miftuħ,” qalet il-Ministru Dalli.  

Spjegat ukoll kif id-deċiżjoni li Manoel Island ukoll jinbidel f’park nazzjonali, bejn din l-art u dik tal-White Rocks, l-art li qed tingħata lura lin-nies hija daqs il-Belt Valletta.

“Iktar minn hekk, fil-pjani oriġinali għal dawn iż-żoni, partikolarment dak massiċċ ta’ Manoel Island, kien se jkun hemm żewġ lukandi b’erba’ mija u ħamsin kamra u madwar tmien mitt unit residenzjali. Għax fhimna li dawk żoni ma jifilħux iktar żvilupp. Għax smajna anke l-appelli tan-nies u x-xewqa tagħhom, minflok bini se jkun hemm mijiet ta’ siġar u spazji biex jitgawdew mill-familji.”

Il-Ministru Dalli tenniet illi l-Gvern irid juża, u qed juża, l-art tiegħu biex jagħmel dawn it-tip ta’ proġetti: “U ħa nkun ċara kristall. Jekk saru żbalji fl-imgħoddi dawk iridu jservu biex nitgħallmu minnhom. Biex ma nagħmlux l-istess.”

Dwar l-immaniġġjar tal-iskart, il-Ministru Dalli fakkret kif l-istrateġija tal-Gvern qed twassal biex ma titteħidx aktar art għall-miżbliet. “Għax  li kieku mhux għax ħadna passi u passi kbar fis-settur tal-iskart illum bħala Ministru għall-Ambjent ma kontx nkun hawn qed nkellimkom fuq iktar spazji miftuħa ġodda. Minflok kont inkun qed inkellimkom fuq kemm il-elf metru kwadru ta’ art verġni u agrikola rridu nieħdu biex nagħmlu iktar landfills jew miżbliet. U meta l-oppożizzjoni topponi l-proġetti innovattivi fis-settur, hekk tkun qed tgħidilna. Tkun qed tgħidilna itfgħu fil-miżbla.”

Spjegat, kif dawn il-miżuri huma azzjonijiet konkreti fuq it-tibdil fil-klima. Dwar il-qasam tal-enerġija, il-Ministru Dalli spjegat kif għaddej ix-xogħol fuq it-tieni interconnector sabiex mhux biss tiżdied ir-reżiljenza tal-pajjiż, imma tkompli tappoġġja l-investiment li l-pajjiż irid jagħmel fir-rinnovabbli. 

Qalet li l-Ministeru qed jaħdem ukoll fuq proġetti li jieħdu aktar żmien, bħalma hu l-floating offshore windfarm. Ħabbret li fix-xhur li ġejjin se tinħareġ sejħa għall-offerti għal studji biex jitkejlu firxa ta’ fatturi ambjentali fiż-żewġ żoni ta’ interess – fatturi bħalma huma l-velocita u d-direzzjoni tar-riħ, l-għoli tal-mewġ u l-kurrenti. 

Dan it-tip ta’ studju joffri għarfien aktar b’saħħtu tal-produzzjoni effettiva li tinħtieġ mill-impjant.

Dwar l-investiment fil-qasam tad-distribuzzjoni, il-Ministru Dalli qalet li matul din il-leġiżlatura, saru 196 substation ġdida, ġew installati 178 kilometru ta’ cables ġodda filwaqt li bħalissa għaddej ix-xogħol fuq 70 kilometru ieħor.

“Tellaqna xogħol fuq numru ta’ ċentri ta’ distribuzzjoni. Fil-Mosta, f’Ħal Kirkop, f’St Andrews fost oħrajn għamilna xogħol biex saħħaħna l-kapaċità. Għaddejin bħalissa x-xogħolijiet fuq żewġ ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda u importanti fin-Naxxar u s-Siġġiewi. Jibdew jaħdmu s-sena d-dieħla. Warajhom nibdew oħrajn,” qalet il-Ministru Dalli. Spjegat kif fil-qasam tal-enerġija, il-Gvern mhux biss qed jassisti lill-familji u n-negozji bi skemi u inċentivi differenti biex jinvestu f’sistemi tal-enerġija aktar effiċjenti, iżda talli f’erba’ snin, il-familji u n-negozji ffrankaw mal-biljun ewro f’kontijiet tad-dawl, fjuwil u LPG.

“Fl-aħħar erba’ snin tajna biljun ewro f’għajnuniet. Daqshekk hi kbira din l-għajnuna. U għas-sena d-dieħla din l-għajnuna nibqgħu nagħtuha. U nibqgħu nagħtuha filwaqt li pajjiżi oħra jżidu l-piżijiet.”

Dwar is-settur tal-ilma, il-Ministru Dalli semmiet kif qed nimmodernizzaw l-infrastruttura ta’ pajjiżna, inkluż għal ilma aħjar għax-xorb, investiment fin-New Water u fil-produzzjoni tal-ilma.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport