Issa huwa uffiċjali li l-ikbar pjanta fid-dinja hija mifruxa fuq żona ta’ madwar 20,000 grawnd tal-futbol. Din hija pjanta tal-baħar u tinsab ftit ’il barra mill-kosta tal-Awstralja.
Permezz ta’ testijiet ġenetiċi, ix-xjentisti sabu li din iż-żona massiva ta’ ħaxix fil-kosta tal-Punent tal-Awstralja hija fil-verità pjanta waħda. L-esperti jemmnu li din il-pjanta oriġinat minn żerriegħa waħda u nfirxet fuq perjodu ta’ 4,500 sena. Ir-riċerkaturi tal-Università ta’ Western Australia qalu li din il-pjanta tkopri żona ta’ 200 kilometru kwadru.
Din kienet sejba li saret b’kumbinazzjoni hekk kif xjentisti kienu qed jistudjaw id-diversità ta’ din l-ispeċi ta’ pjanta li hija komuni ħafna f’għadd ta’ partijiet tal-Awstralja. Huma għamlu din is-sejba meta kienu qed janalizzaw il-pjanti li hemm f’Shark Bay, madwar 800 kilometru fit-Tramuntana ta’ Perth.
Fir-riċerka tagħhom, l-esperti ġabru eluf ta’ kampjuni biex jaraw kemm-il speċi differenti ta’ din il-pjanta hemm f’din iż-żona. Huma baqgħu mistagħġba meta sabu li fil-verità din hija pjanta waħda.
Ġeneralment din it-tip ta’ pjanta tikber b’rata ta’ 35 ċentimetru fis-sena, u b’hekk ir-riċerkaturi setgħu jikkalukaw li din ilha tinfirex fuq medda ta’ 4,500 sena.