Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tagħkom lejn il-Hyrox?
Aħna bdejna mil-kamp tal-OCR u konna nikkompetu kemm f’kompetizzjonijiet hawn malta kif ukoll barra minn Malta. Darba dħalna għall-kompetizjoni tal-OCR li bilfors kellna nidħlu għaliha bħala tim kompost minn raġel u mara u ndunajna kemm tħarriġna bil-wisq iktar meta tqis li hemm persuna oħra tiddependi fuq il-wirja tieghek.
B’hekk wara din il-kompetitzjoni tal-OCR tħajjarna nidħlu għall-Hyrox bħala mixed doubles fejn komplejna nimbuttaw lil xulxin biex nilħqu l-akbar potenzjal tagħna. Kif imbagħad tlajna għall-ewwel kompetizzjoni barra minn Malta, l-atmosfera li jkun hemm issaħħrek wisq u mingħajr ma trid iġġibek kważi kważi ‘addicted’ biex tkompli taħdem ħalli dejjem ġġib riżultati aħjar.
X’suċċessi maġġuri ksibtu fil-karriera tagħkom sa issa?
Naħseb li l-ikbar suċċess tagħna s’issa kien li ġejna t-tieni fil-Kampjonat tal Hyrox s-sena l-oħra organizzat minn ‘The Club’. Dan il-kampjonat jikkonsisti f’erbat itlielaq mifruxin mas-sena kollha u rrnexxielna mmorru tajjeb ħafna fl-erbgħa li huma.
Suċċess ieħor kien meta kkompetejna barra minn Malta u rnexxielna niplejsjaw tajjeb ħafna wkoll speċjalment meta tqis l-livell ta’ atleti barranin li kien hemm. Peró, fil-veritá, bħala tnejn minn nies miżżewgin, bit-tfal u l-familji tagħna u x-xogħol, il-fatt li jirnexxielna nibbilanċjaw l-ħajja tagħna biex insibu ħin nittrenjaw u nikkompetu bis-saħħa tal-għajnuna u s-sapport tal-partners u t-tfal tagħna – dak għalina huwa l-akbar suċċess!
Kif tqisu l-livell tal-Hyrox f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell dejjem tiela’. Naraw id-differenza meta tikkompara din is-sena ma’ dik tas-sena l-oħra. Il-kompetituri tagħna żdiedu u tjiebu immensament. Din hija xi ħaġa tajba ħafna għax tagħtik il-grinta biex taħdem ħafna iktar ħalli anke aħna nkomplu nitjiebu.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Minħabba impenji ta’ tfal u familja, sar ikollna bżonn iktar flessibiltá fejn jidħol ħin ta’ sessjonijiet. Għaldaqstant, nużaw il-faċilitajiet kemm ta’ Mythos kif ukoll ta’ The Club Fitness Centre. Dawn il-faċillitajiet huma attrezzati b’dak kollu li għandek bżonn biex issegwi programmi ta’ taħriġ.
Hawn Malta aħna nikkompetu fil-Kampjonat tal-Hyrox ta’ The Club. Il-livell tal-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet iħabbatha ma’ ta’ barra minn Malta. Kull tellieqa tkun isbaħ u iktar organizzata minn ta’ qabilha.
Kif qed tħarsu lejn il-futur tagħkom fil-Hyrox?
Ix-xewqa tagħna hi li nkompli naħdmu u li nkomplu ntejbu l-ħinijiet tagħna. Il-pjan hu li nkomplu nittrenjaw u nikkompetu kemm hawn Malta kif ukoll barra minn Malta. Il-fatt li t-tnejn li ħhna qbiżna l-40 sena jfisser li issa dħalna ġo age group differenti u t-tama hi li niksbu suċċessi f’dan l-age group. L-ikbar suċċess għall-futur tagħna peró jkun li noħorġu bil-pensjoni u nkunu għadna nittrenjaw u nkunu b’saħħitna fiżikament!
Għaddu messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-Hyrox.
Il-Hyrox huwa sport li jista’ jagħmlu kulħadd. Ma trid l-ebda ħila partikolari u tista’ tagħmlu bil-pass tiegħek u dejjem tipprova ttejjeb il-ħin tiegħek. Kif jgħidu bl-Ingliż: ‘your only competition is yourself’. Avolja hemm kompetizzjoni qawwija, tiskanta kemm hi komunitá sabiħa ta’ ħbiberija u kulħadd jissapportja lil xulxin.
It-taħriġ sar xi ħaġa li ma ngħaddux mingħajru għax huwa dak l-ftit ħin tal-ġurnata fejn tista’ tinsa l-istress tax-xogħol u tal-ħajja inġenerali. Il-fatt li t-tfal tagħna jarawna nittrenjaw hekk, inħossuna kburin li qed nagħtuhom eżempju tajjeb ta’ kif tibbilanċja l-ħajja u tgħix stil ta’ ħajja b’saħħitha.