The Malta Records ħabbret rekord nazzjonali ieħor, din id-darba għall-ikbar villaġġ tal-gingerbread mekkanizzat fil-gżejjer Maltin. Tul ta’ 4 metri, wisgħa ta’ 2.63 metri u ntużaw 195 kilo ta’ għaġina. Dan ir-rekord ingħata waqt open day fl-STMC, Carlo Diacono, Skola Medja u Sekondarja, Żejtun.
Fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ The Malta Records saret referenza għas-sigħat ta’ ħidma mill-istaff tant ħabrieki tal-iskola u l-volontarji li ħadmu qatigħ biex din l-attività tkun suċċess. Intqal li l-fatt li l-iskola fetħet għall-pubbliku f’ġurnata bħas-Sibt ta’ qabel il-Milied diġà hija xi ħaġa li jistħoqqilha kull tifħir u barra minn hekk, dawn l-edukaturi waqt il-vaganzi tas-Sajf kienu diġà qed jiltaqgħu l-iskola u jfasslu l-villaġġ tal-gingerbread.
“Xtaqna nieħdu ftit ħin biex aktar inqajmu kuxjenza dwar il-vokazzjoni tal-għalliema u kemm f’pajjiżna hawn għalliema tant dedikati,” żied jingħad minn The Malta Records.