Tuesday, February 11, 2025

L-iktar ħaġa importanti biex tikseb is-suċċess hi li tieħu gost tilgħab il-logħba u taħdem bla heda – Jason Falzon

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Bħal ħafna fuq din il-gżira, l-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira ħafna, u minn dejjem kont insegwi kemm timijiet lokali u anke dawk barranin. It-tim favorit lokali minn mindu kont żgħir kien Valletta FC u niftakarni mmur nara l-logħob il-Jubilee Stadium fil-Gżira ma’ missieri. Wara xi snin, fl-1983, il-Luxol beda jikkompeti fl-MFA u mbagħad it-tim favorit tiegħi sari ll-Luxol. Fl-aħħar tas-snin 90 meta missieri qalli biex ngħinu fil-klabb kont isseħibt fil-kumitat u minn hemm beda vjaġġ twil u kkulurit.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala president tal-Akkademja ta’ St Andrews FC.

Bħala president tal-akkademja nħossni vera xxurtjat li li jien imdawwar b’ħafna individwi professjonali. Pippo Psaila, id-direttur tekniku tagħna m’għandu bżonn l-ebda introduzzjoni, li l-esperjenza u t-tagħrif li għandu huma magħrufa ħafna, u wieħed irid isemmi wkoll il-passjoni u l-entużjażmu li għandu għall-klabb wara aktar minn tletin sena magħna. It-tim tal-akkademja għandu wkoll is-sapport tal-kowċ Marko Rajic, Head of Competition u wkoll tal-Head of Grassroots Silvan Ciscaldi. Irridu nsemmu wkoll il-pilastri fl-amministrazzjoni Norman Buttigieg u Josiah Vella. L-akkademja hija kbira u s-sapport ta’ dawn in-nies huwa kruċjali.

L-akkademja għandha diversi aspetti imma l-għan ewlieni huwa l-edukazzjoni. Nagħmlu l-almu tagħna biex noħorġu l-potenzjal kollu tat-tfal. Xi wħud kapaċi jilagħbu fl-ogħla livelli, oħrajn ikunu inqas kapaċi fil-futbol iżda huwa x-xogħol tagħna li nħarrġuhom kemm jista’ jkun u jieħdu gost jilagħbu l-futbol, anke jekk ikunu qed jilagħbu biss il-futbol ma’ sħabhom l-iskola, u eventwalment ix-xogħol.

Huwa fatt magħruf li t-tim tal kbar ta’ St Andrews qed jutilizza bosta plejers prodotti tan-nursery tagħkom. X’inhu s-sigriet ta’ dan is-suċċess?

Bħal xi wħud mill-klabbs b’akkademji tajbin aħna kemm jista’ jkun ninsistu li ż-żgħar tagħna javvanzaw. Ix-xogħol tagħna hu li nissapportjawhom u niggwidawhom, imma rridu ngħidu li s-suċċess mhuwiex biss mill-akkademja imma wkoll mix-xogħol li lest li jagħmel il-plejer, u wkoll mis-sapport li jingħata mill-familja.

L-għan tagħna huwa wkoll li nipprovaw nibagħtu plejers jilagħbu barra, u riċentament irnexxielna nibagħtu lil Caden Tanti, imwieled fis-sena 2009 biex jiffirma ma’ Genoa CFC U16. Huwa lagħab il-logħba kollha b’performazzjoni tajba ħafna. Biex dan jiġri mhux biss ikollna bżonn plejers validi imma wkoll il-kundizzjonijiet xierqa biex nagħmlu l-introduzzjonijiet neċessarji.

Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?

Jiena naħseb li ħafna mill-klabbs tjiebu fl-impenn u l-livell qiegħed jitjieb. Dan iżda jiġi bi prezz għall-klabbs, imma sabiħ li tara ħafna akkademji jħaddnu l-istess valuri.

U dak tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

In ġenerali il-futbol taż-żgħażagħ tjieb ħafna. Rigward is-seniors xorta għadni nemmen li għandna ħafna plejers barranin li qed jimblukkaw it-triq għal talenti miż-żgħar tagħna. Imma fejn jidħlu l-youths il-biċċa l-kbira tal-klabbs ħadu aktar approċċ professjonali.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Meta tikkompara ma’ grawnds u riżorsi fl-imgħoddi tjiebu ħafna, imma xorta għandna problema kbira fejn jidħol l-ispazju u r-riżorsi. Ovvjament dan huwa minħabba l-fatt li aħna gżira żgħira u limitati bħala riżorsi finanzjarji.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Għandi vjaġġ twil quddiemi. Għadni noħlom li jkolli t-tfal tal-Luxol jilagħbu barra minn Malta f’ligs tajbin, imma wkoll li jibnu memorji mal-familja tal-Luxol. Nara ħafna tfal mimlija talenti li għandhom x’joffru ħafna.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

L-iktar ħaġa importanti biex tikseb is-suċċess hi li tieħu gost tilgħab il-logħba u taħdem bla heda. Li tieħu l-vjaġġ tal-futbol bħala sfida kuljum u tikkonċentra biex tagħti l-100% f’kull sessjoni u fil-logħba li ssir kull ġimgħa. Trid ukoll tħares lejk innifsek u tara x’tista’ ttejjeb. Fl-aħħar ta’ dan il-vjaġġ żgur li tibda tgħożż dawn il-memorji!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport