Wednesday, July 2, 2025

‘L-iktar ħaġa importanti hi, illi dak li tagħmel, tagħmlu għax tieħu pjaċir tagħmlu’ – Mark Zammit

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn iċ-ċikliżmu?

Jiena ġej minn familja ta’ ċiklisti fejn iz-zijiet tiegħi Leli u Louis minn dejjem nafhom jipprattikaw iċ-ċikliżmu u saħansitra kienu jikkompetu kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna. Iz-ziju Louis kien anke rrapreżenta lil Malta fl-Olimpjadi ġewwa Munich fil-Ġermanja fl- 1972, u kont dejjem naffaxina ruħi nara r-ritratti tagħhom u jirrakkontawli t-tlielaq li kienu jsiru fi żminijiet imgħoddija, bħal tad-90 mil fejn kienet taqsam nofs Malta.

Jiena kont min dejjem insuq ir-rota b’mod rikreattiv iżda meta bdew isiru l-kompetizzjonijiet tad- downhill kienu ħajruni xi ħbieb tiegħi biex nikkompeti magħhom u minn hemm bdiet il-karriera sportiva tiegħi.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?

L-ikbar unur tiegħi kien meta wara ħafna sagrifiċċji kbar u b’determinazzjoni irbaħt in-Nation Championship fil-Mountain Bike fl-2022, fost l-aqwa ċiklisti li qatt kellna f’pajjiżna. Irbaħt ukoll il-kampjonat tad-downhill fl-2016, ġejt it-tielet fil-klassi Masters, fit-time trial fit-Tour ta’ Malta  fl-2024 u fl-edizzjoni ta’ din is-sena, ksibt diversi podiums fi tlielaq lokali kemm fil-mountain bike kif ukoll road u Time Trial. Ftit tal-ġimgħat ilu għadni kif ikkompetejt fil-HERO MTB Marathon li tikkonsisti f’tellieqa ta’ 86km b’diżlivell ta’ 4600 metru madwar id-Dolomiti fejn ġejt fil-25 post fil-klassi M3. Għamilt diversi tlielaq barra minn xtutna kemm bil-Mountain Bike kif ukoll fit-triq fejn kelli prestazzjonijiet tajbin.

Kif tqis il-livell taċ-ċikliżmu f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell taċ-ċikliżmu f’pajjiżna ħa spinta ‘l quddiem ħafna, fejn iċ-ċiklisti żgħażagħ Maltin saru jħabbtuha sew mal-barranin li jiġu jikkompetu hawn Malta. Sar hawn bosta żgħażagħ promettenti li jeħduha bis-serjetá u jitħarrġu b’determinazzjoni kbira li jirnexxu fil-futur qrib.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Il-pajjiż tagħna hu dak li hu, imma dan iż-żmien bit-teknoloġija fit-taħriġ tista’ tassimula tlajja twal fuq ‘interactive trainers’ daqslikieku qiegħed barra minn xtutna. Rigward tlielaq lokali, ma tantx qed insibu koperazzjoni fuq permessi tat-toroq biex jingħalqu sakemm isseħħ it-tellieqa minħabba l-problema tat-traffiku li għandna, allura ħafna mit-tlielaq saru jiġu kkanċellati.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fiċ-ċikliżmu?

Bħala ċiklist veteran, għadni nikkompeti f’xi tlielaq lokali kif ukoll barra minn Malta. L- importanti li nibqa’ attiv għax l-isport iżommok żgħir u jgħinek fil-ħajja ta’ kuljum.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika ċ-ċikliżmu.

Iċ-ċiklizmu hu passatemp sabiħ fejn jieħdok tara irkejjen kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna li ma tkunx tista’ tara. Jgħinek ukoll tagħmel ħbieb ġodda, issir iktar b’saħħtek mentalment kif ukoll fiżikament għaliex huwa sport iebes u jagħmillek il-karattru sod, iżda l-iktar ħaġa importanti hi, illi dak li tagħmel, tagħmlu għax tieħu pjaċir tagħmlu!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport