Tuesday, May 20, 2025

“L-iktar ħaġa importanti hija li tibqa’ vera miegħek innifsek…” – DJ Sue Mifsud

Aqra wkoll

Sue Mifsud hija DJ popolari f’Malta, magħrufa għall-enerġija tagħha u l-preżenza vibranti fuq il-palk ta’ xi diskoteka jew avveniment ta’ divertiment f’Malta. Hija toħloq esperjenzi mużikali memorabbli f’diversi postijiet madwar il-gżejjer Maltin.

Matul is-snin, DJ Sue ħadmet f’diversi bars, diskoteki u postjiet ta’ divertiment mhux biss f’Malta iżda wkoll f’Għawdex fejn ħolqot atmosfera ta’ festa b’mużika mis-snin 80, 90, elfejn u diski oħra kummerċjali. Hija wkoll organizzatriċi ta’ boat parties popolari matul ix-xhur tas-sajf, Hi taqsam mumenti mill-karriera tagħha u tinteraġixxi mas-segwaċi tagħha.

Hija wkoll involuta f’proġetti mużikali, inkluż kollaborazzjoni ma’ DJ Shedona fuq il-kanzunetta “RITMO” li mistennija tinħareġ f’Ġunju li ġej. Hi għandha wkoll programm fuq stazzjon lokali tar-radju bl-istess isem li għal dawn l-aħħar snin sar wisq popolari. Għal aktar informazzjoni dwar l-avvenimenti u l-mużika tagħha, tista’ ssegwiha fuq il-paġna uffiċjali tagħha fuq Facebook DJ Sue Mifsud.

Fil-qalba tax-xena mużikali Maltija, isem wieħed ilu jissemma b’mod konsistenti fl-aħħar snin – DJ Sue Mifsud. B’esperjenza dejjem tikber fuq radjijiet, klabbs, u fuq il-palk tal-festi Maltin, Sue rnexxielha toħloq spazju tagħha f’dinja li spiss hi ddominata mill-irġiel. Iltqajna magħha biex nitkellmu dwar is-suċċess tagħha, ix-xogħol wara l-kwinti, u kif tħares lejn il-futur.

Iżda kif bdiet din il-vjaġġa tagħha bħala DJ? “Il-mużika kienet dejjem preżenti f’ħajti,” bdiet tgħidilna Sue, bi tbissima sinċiera. “Imma l-vjaġġ tiegħi bħala DJ beda bħala xi ħaġa żgħira – passatemp li kont inħobb nagħmel wara l-ħinijiet tax-xogħol. Ma kontx qiegħda nfittixha bħala karriera, imma xi ħaġa li ġġibli ferħ u enerġija.”

Illum, madankollu, dan il-passatemp inbidel f’passjoni b’saħħitha li wasslitha f’numru kbir ta’ avvenimenti u filwaqt li tippreżenta programmi fi stazzjonijiet tar-radju .“Is-sigriet, jekk jista’ jissejjaħ hekk, hu li tibqa’ umli, tkun dedikata, u tiftakar li l-għan tiegħek hu wieħed – li tferraħ lin-nies. Meta nara nies jiżfnu u jgawdu l-mużika tiegħi, naf li l-ħidma tiegħi qed tagħti ħafna frott. Il-gost u l-pjaċir tiegħi nara lin-nies jiżfnu għall-mużika li nipprovdilhom jien b’oħra li jitolbuni personalment waqt l-avveniment.” Saqsejna lil DJ Sue Mifsud dwar ir-realta’ li tkun f’dan ix-xogħol illum il-ġurnata.

“Ħafna jaħsbu li d-DJs jagħmlu ħafna flus jew jgħixu ħajja bix-xinxilli u komda. Imma l-verità hi li dan ix-xogħol mhux faċli. Jirrikjedi ħafna ħin, preparazzjoni, u sagrifiċċju kif ukoll ħin twil ‘il bogħod mill-familja, ġieli anke ljieli sħaħ. Il-qligħ finanzjarju jista’ jkun limitat, speċjalment jekk ma tkunx qed toħroġ barra l-pajjiż. Għalija, għadni narah bħala passatemp – iżda wieħed li nieħu bis-serjetà kbira. Kieku ma narax dan ix-xogħol bħala passatemp żgur li ma joħroġx is-suċċess minnu.” Sue tagħmel dan kollu filwaqt li taħdem xogħol ieħor full-time u tieħu ħsieb il-familja tagħha.

“Il-ħin huwa limitat, mela għandek bżonn tkun taf timmaniġġjah tajjeb. Bil-passjoni, kollox isir possibbli. Nipprova nagħmel skeda fejn litteralment inlaħħaq ma’ kollox, Mhux faċli iżda bl-għajnuna ta’ kulħadd, kollox iseħħ kif nixtieq jien.” DJ Sue, kif inhi magħrufa ma’ ħafna segwaċi tagħha, tinstema’ ħafna f’festi u avvenimenti pubbliċi. Kemm tfisser għaliha l-festa Maltija? “Il-festa hi parti kbira minn min aħna bħala poplu Malti,” wieġbet Sue b’entużjażmu. “In-nies joħorġu biex jiċċelebraw, u li nkun parti minn dan, speċjalment fl-after parties, hu privileġġ. Inħossni grata li permezz tal-marċi, il-mużika u l-enerġija tiegħi fuq il-mikrofonu, inkun qed nagħti lura lill-komunità li tixtieq tiddeverti. Issa n-nies drawni u nista’ ngħidlek li għandi sajf sħiħ indur minn każin għal ieħor, minn raħal għall-ieħor inferraħ lin-nies fil-ġimgħa tal-festa tal-lokal tagħhom.”

Sue se tieħu sehem f’avveniment kbir fit-7 ta’ Ġunju ġewwa Gianpula Mainroom bħala guest DJ għall-festa ‘Back to Dance’, organizzata minn ‘Back to the Roots’. “Se nkun qed naqsam il-palk ma’ DJs prominenti oħra, u l-mistiedna speċjali se jkunu d-duo Taljan famuż Marvin & Prezioso. Dan huwa grupp mużikali Taljan magħruf għall-istil Italo dance tagħhom, li ġie ffurmat fl-1999 f’Ruma. I Il-karriera tagħhom bdiet b’suċċess kbir bil-kanzunetta “Tell Me Why” fl-1999, li laħqet il-quċċata tal-klassifiki f’diversi pajjiżi Ewropej, inkluża l-Italja.

Huma komplew b’suċċessi bħal “Let Me Stay”, “Emergency 911”, u “Voglio Vederti Danzare”, li hija verżjoni dance tal-kanzunetta ta’ Franco Battiato “Se tkun esperjenza fenomenali – lejl li ħadd m’għandu jitlef! Tkanta, tiżfen, attrazzjonijiet… kollox se jkun hemm. Jiena ħerqana ħafna. Iġri tasal dik il-ġurnata.” U l-futur tagħha kif qed tarah DJ Sue Mifsud?

Mistoqsija dwar kif tħares lejn ħajjitha minn hawn sa għaxar snin oħra, Sue wieġbet b’mod ċar: “Ma nistax nimmaġina ħajti mingħajr il-mużika. Hija parti minni – tagħtini enerġija, tagħtini skop. Irrelevanti kemm tkun okkupata, jekk tagħmel xi ħaġa bil-qalb, tagħtik lura ħafna aktar milli taħseb. Għalhekk nista’ nikkonferma li jekk il-Bambin itini s-saħħa, jien se nkompli ndoqq u nferraħ lin-nies u lis-segwaċi tiegħi.”

Finalment, DJ Sue għalqet b’messaġġ għal tfajliet u nisa li jixtiequ jidħlu fid-dinja tad-DJing. “Jien ma sibtx ħafna għajnuna meta bdejt. Għalhekk issa, fejn nista’, ngħin lil oħrajn. Tajt ċans lil diversi DJs, u se nibqa’ nagħmel hekk. Lil kull tfajla jew mara li tixtieq tipprova – taqtgħux qalbkom. Jien hawn biex ngħinkom. Il-passjoni tagħkom tagħmilkom b’saħħithkom, allura ibqgħu għaddejjin. Tħallu lil ħadd jikkonvinċikom li ma tistgħux.”

Sue temmet b’messaġġ ta’ kuraġġ: “L-iktar ħaġa importanti hija li tibqa’ vera miegħek innifsek u li tiftakar li mingħajr lin-nies, aħna d-DJs m’aħna xejn. Il-pubbliku hu dak li jagħmel dan kollu jiswew.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport