Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet proprju grazzi għal missieri li minn ta’ etá żgħira konna naraw logħob fuq it-televixin kif ukoll nilagħbu bil-ballun. Iktar ‘il quddiem imbagħad kont ta’ kull tmiem il-ġimgħa, immur insegwi lil ħija jitħarreġ ukoll meta kien ikollu xi logħba. Tista’ tgħid li kbirt fl-ambjent tal-futbol u għalhekk kienet xi ħaġa awtomatika li jkolli ċerta mħabba u passjoni għal dan l-isport.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Kowċ tat-tim ta’ taħt il-15-il sena ta’ Mġarr United FC.
L-esperjenza tiegħi ma’ Mġarr United FC bdiet tliet snin ilu u grazzi għall-kumitat kif ukoll il-Headcoach Patrick Curmi tal-fiduċja li dejjem urew fija. Dan l-istaġun se jkun ir-raba’ wieħed konsekuttiv ma’ dan il-klabb u se nkun qed immexxi l-iskwadra ta’ taħt il-15-il sena. Ir-rwol prinċipali huwa li kemm jista’ jkun bħala kowċ jirnexxielek toħroġ l-aħjar minn kull individwu, kif ukoll tkompli tiżviluppa l-abbiltajiet tekniċi, tattiċi, fiżiċi kif ukoll mentali tal-grupp. L-għan tagħna hu li nibnu skwadra kompetittiva kemm jista’ jkun, kemm fl-għaqda kif ukoll fil-livell u l-identitá tal-logħob tagħna fil-pitch.
Huwa fatt magħruf li t-tim tal-kbar ta’ Mġarr United FC qed jutilizza numru ta’ plejers prodotti tan-Nursery. X’taħseb li huwa s-sigriet rigward dan is-suċċess?
Il-ħidma kemm ta’ dawk fil-passat, kif ukoll b’mod speċjali dawk preżenti matul iż-żmien jibda jidher ir-riżultat. Ta’ min insemmu li llum l-iskwadra ewlenija tikkompeti fiċ-Challenge League u l-iskwadra tal-Minors rebħu promozzjoni għal Sezzjoni B l-istaġun li għadda. Dan kollu juri li hemm żgħażagħ interessanti li wkoll qegħdin parti mill-iskwadra tat-tim tal-kbar.
Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?
Il-livell tal grassroots f’pajjiżna huwa wieħed tajjeb meta nqisu il-kobor tagħna kif ukoll l-infrastruttura tal-pajjiż u l-klabbs inġenerali. Bħal kull ħaġ’oħra dejjem se ssib affarijiet pożittivi u oħrajn li jistgħu jitranġaw biex ngħollu l-livell kemm bħala klabbs kif jitnexxew eċċ kif ukoll bħala livell ta’ kowċis u edukazzjoni lil dawk involuti f’kull qasam biex fl-aħħar mill-aħħar noffru l-aħjar servizz possibli u jgawdu kemm il-klabbs infushom kif ukoll tfal preżenti u oħrajn ‘il quddiem.
U dak tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Il-futbol Malti bħal dak barrani nbidel ħafna matul iż-żmien. Illum sar aktar fiżiku u tattiku, mentri fil-passat forsi kien iżjed tekniku u b’iktar spazji. Il-livell preżenti f’Malta naħseb li hu wieħed tajjeb għal pajjiżna u l-klabbs li kkompetew fl-Ewropa fl-aħħar snin ġabu riżultati pożittivi bi prestazzjonijiet tajbin ukoll. Matul iż-żmien dejjem żdied in-numru ta’ plejers barranin u forsi fi żmien qasir is-suq ikun miftuħ. Din forsi kienet ta’ għajnuna biex dawk il-klabbs iż-żgħar li ma kinux jattiraw plejers lokali ta’ ċertu livell illum il-ġurnata naqsu d-distakk u l-livell hu wieħed aktar ibbilanċjat meta wieħed jinzerta barranin ta’ livell. Din min-naħa l-oħra tista’ taffettwa lil dawk il-plejers żgħażagħ lokali biex isibu spajzu mal-ewwel skwadra, peró żgur li kull plejer ta’ livell tajjeb iċ-ċans tiegħu jiġih.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Ir-riżorsi tal-grawnds huma tajbin u l-logħob kompetittiv isir fil-maġġoranza fejn l-infrastruttura ideali għall-klabbs u l-partiti konċernati.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Fil-futbol il-futur ħadd ma jaf x’jista jkun, u għalhekk il-preżent huwa l-iktar importanti li naħdmu bi profesjonalitá, entużjażmu u direzzjoni għal dak li wieħed jiproġetta li jasal fl-aħħar tal-istaġun. Il-futur personali hu żgur li nkompli nikber f’dan ir-rwol billi nitgħallem minn kull esperjenza u minn dawk il-persuni li tassew iridulek il-ġid.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi lil dawk kollha li jaspiraw li jkollhom suċċess fil-futbol hu, li jrid ikollok għan fil-ħajja u timxi b’direzzjoni. L-iktar valuri importanti huma li taħdem b’umiltá u ġġib rispett lil ta’ madwarek. Fl-aħħar mil-aħħar, għandek temmen fik innifsek u tkun pożittiv f’dak kollu li tagħmel!