Wednesday, July 24, 2024

L-ilbies tal-malji u rġiel bla flokkijiet fit-toroq jista’ jkun illegali

L-avukat Herman Mula jikkonferma kontravvenzjoni ta’ €50… Il-Pulizija twaqqafhom u tedukahom

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Is-sajf iġib miegħu s-sħana u huwa minnu li t-temperaturi kienu u għadhom għoljin sew. Is-sħana żejda ddejjaq lil kulħadd imma differenti mill-kesħa, is-sħana ma teħlisx minnha billi tneħħi l-ħwejjeġ. Fit-toroq qiegħed ikun hemm, pjuttost frekwenti, persuni bil-malji biss u rġiel bla flokkijiet u dan mhux esklussivament fil-bajjiet u l-inħawi tal-madwar biss.

Dan is-sit irċieva lmenti dwar ilbies ikkonsidrat bħala “indiċenti” jew mhux adattat f’postijiet pubbliċi. Qegħdin nirreferu għal każijiet ta’ tfajliet u nisa bil-bikini u rġiel b’żaqqhom barra fit-toroq tal-lokalitajiet, fil-ħwienet u xi drabi anke fuq tal-linja.

Persuni, b’mod speċjali dawk li jkollhom tfal żgħar magħhom u anzjani, qegħdin iħossuhom urtati għall-fatt li f’Malta sirna qisna “laisse faire”, li kollox jgħaddi. Dan “basta jkollna t-turisti” minkejja li dan it-tip ta’ lbies, jew aħjar in-nuqqas tiegħu, huwa kontra l-liġi.

L-interpretazzjoni ta’ lbies mhux xieraq fi żminijiet differenti

Fir-rigward tkellimna mal-avukat Herman Mula fejn filwaqt li speċifika li hemm interpretazzjonijiet differenti ta’ x’inhu lbies mhux xieraq fi żminijiet differenti, ikkonferma li tali “espożizzjoni” f’postijiet pubbliċi hija kontra l-liġi li tista’ tirriżulta f’kontravvenzjoni kontra l-ordni pubbliku li hija mniżżla fil-Kodiċi Kriminali ta’ Malta.

“Fil-verità, persuna f’post mhux ħdejn il-baħar u anke fejn il-baħar, tista’ tikser il-liġi u tingħata kontravvenzjoni talli tkun liebsa mhux xieraq. Il-kontravvenzjoni taqra hekk: fil-portijiet, fi xtut il-baħar jew f’lok ieħor pubbliku, jinża’ għarwien jew ma jkunx liebes xieraq,” ikkwota Dott. Mula.

Dan l-avukat spjegalna li r-reat huwa minimu kontravvenzjonali fejn persuna effettivament, ma teħilx wisq – massimu ammenda, jiġifieri multa, ta’ madwar €50. Din titressaq mill-Pulizija. Huwa żied jgħid li, “persuna tista’ titressaq taħt din il-liġi. Imbagħad, wieħed jara eżattament skont iċ-ċirkostanzi tal-każ u x’tip ta’ difiża jkun hemm”.

Jekk tirrifjuta li tilbes toħroġ ċitazzjoni

Min-naħa tal-Pulizija, il-kelliem tal-Korp qalilna li, “meta l-pulizija jaraw lil xi ħadd li mhuwiex liebes flok jew malja f’post pubbliku u mhux f’post fejn il-baħar, din titwaqqaf, ikellmuha b’mod edukattiv tintalab tilbes flokk”.

Imbagħad jekk din il-persuna tirrifjuta, tibda tgħajjat jew tiġġieled, hemmhekk din il-persuna ma tkunx qiegħda tobdi l-ordni tal-Pulizija u toħroġ ċitazzjoni. Fl-agħar każijiet jista’ anke jkun hemm arrest.

Il-kelliem temm billi assigura li, “imma, fil-maġġoranza tal-każijiet dawn ikunu turisti li jifhmu, jiskużaw ruħhom, jilbsu u jibqgħu sejrin”.

Ekonomija

1 kumment

  1. Naf pulizija li meta kien ikun il Belt kien ikellem lill irgiel u nisa li ma jkunux libsin onestament.Kien imur jehodhom f hanut bi hwejjeg GHOLJIN u jgalhom jixtru T SHIRTS li hemm bzonn.+ il multa.Zgur li jghidu lill shabhom.

Comments are closed.

Sport