Tuesday, February 4, 2025

L-ilma: m’għadux li kien- Jessika Roswall, Kummissarju Ewropew għall-Ambjent u għar-Reżiljenza tal-Ilma u għal Ekonomija Ċirkolari Kompetittiva

Aqra wkoll

Dħalna f’era ta’ kompetizzjoni globali ħarxa. Biex naċċessaw l-enerġija. Biex naċċessaw il-materja prima. Biex naċċessaw teknoloġiji ġodda. Jeħtieġ li f’dan il-kuntest nibdlu l-mentalità tagħna fir-rigward ta’ kif naċċessaw l-ilma. L-ilma m’għadux li kien. Huwa riżorsa strateġika għas-sigurtà tagħna. Madankollu, l-ilma jinsab taħt stress enormi. Qed naraw dejjem aktar għargħar u nixfiet. Il-kwalità tal-ilma sejra għall-agħar minħabba t-tniġġis u t-tibdil fil-klima.

Mill-art sal-oċean, iċ-ċiklu tal-ilma tagħna mhux qed jaħdem kif suppost. Fl-istess ħin, l-ilma jinsab fil-qalba tat-tranżizzjoni ekoloġika u ta’ Ewropa kompetittiva. Il-ħtiġijiet tal-ilma qed jiżdiedu. Huwa r-riżorsa primarja li tintuża għall-produzzjoni tal-idroġenu ekoloġiku. Il-produzzjoni tal-batteriji hija proċess intensiv ħafna fl-ilma. Iċ-ċentri tad-data jeħtieġu miljuni ta’ litri ta’ ilma biex iħaddmu l-ekonomija diġitali tagħna.

Huwa għalhekk li qed inpoġġi l-ilma fuq quddiem fl-aġenda tal-Kummissjoni Ewropea, bħala l-ewwel Kummissarju inkarigata mill-ilma.  Aktar tard din is-sena, se nippreżenta strateġija tal-UE dwar l-ilma. Bħala l-ewwel pass, analizzajna s-sitwazzjoni tax-xmajjar, tal-għargħar u taż-żoni tal-baħar fl-Istati Membri sabiex inkunu nistgħu nidentifikaw il-problemi u nfittxu soluzzjonijiet flimkien.

Is-sejbiet mir-rapport tagħna huma ċari. L-ilmijiet tagħna huma mniġġsa. Kemm l-ilma ħelu kif ukoll dak tal-baħar. Il-provvista tal-ilma tagħna tinsab mhedda. Ir-riskju ta’ għargħar serju huwa għoli. Inqas minn 40% tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ tal-UE jinsabu fi stat ekoloġiku tajjeb, jiġifieri juru livelli baxxi ta’ tfixkil minħabba l-attività tal-bniedem.

U ftit aktar minn 25% jinsabu fi stat kimiku tajjeb, jiġifieri li l-limiti rilevanti ta’ sustanzi perikolużi ma nqabżux. Il-merkurju u sustanzi tossiċi oħra li jniġġsu huma sors ewlieni ta’ kontaminazzjoni. Il-PFAS fl-ilma – magħrufa bħala “sustanzi kimiċi dejjiema” li huma tassew diffiċli biex jitneħħew mill-ambjent – iqajmu wkoll ħafna tħassib fost il-pubbliku f’ħafna Stati Membri.    

Filwaqt li sar xi progress matul dawn l-aħħar snin fl-Ewropa, għad hemm ħafna xogħol xi jsir. Ma hemm l-ebda approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” għall-ġestjoni tal-ilma. Kull pajjiż jinsab f’sitwazzjoni differenti. Filwaqt li Malta ma ssottomettietx l-informazzjoni fil-ħin, konxji li l-pajjiż qed jaffaċċja sfidi kemm f’termini ta’ kwalità tal-ilmijiet tiegħu, minħabba t-tniġġis min-nitrati, kif ukoll il-kwantità minħabba li l-iskarsezza tal-ilma u l-estrazzjoni żejda jfissru pressjoni kbira. Ir-reġjuni tal-Mediterran jaffaċċjaw sfidi differenti mill-Iskandinavja. It-tniġġis ivarja skont l-impatt lokali ta’ setturi ekonomiċi differenti. Iżda l-Istati Membri kollha jridu jagħmlu aktar biex jipproteġu s-sistemi tal-ilma tagħhom, jiżguraw l-effiċjenza tal-ilma, jindirizzaw it-tniġġis, jimmaniġġjaw it-tibdil fil-klima u jagħtu spinta fil-ġestjoni tar-riskju ta’ għargħar.

Abbażi tar-rapporti tagħna, qed inniedu sejħa pubblika għall-evidenza.  Ninsab konvinta li ċ-ċittadini, in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi tagħna jistgħu jaqsmu ħafna ideat innovattivi li nistgħu nibnu fuqhom. Dan se jikkontribwixxi għall-istrateġija tal-UE dwar l-ilma li se titnieda aktar tard din is-sena. L-għanijiet tagħna huma ċari.

L-ewwel nett, nirrestawraw u nipproteġu ċ-ċiklu tal-ilma. B’governanza inklużiva, infrastruttura tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, ilkoll appoġġjati minn finanzjament pubbliku u privat aktar b’saħħtu.  

It-tieni, inrawmu ekonomija tal-ilma kompetittiva u ċirkolari tal-UE. L-Ewropa tospita ħafna kumpaniji innovattivi tat-teknoloġija tal-ilma, 40% tal-privattivi għall-ġestjoni tal-ilma jsiru fl-UE. Irridu nżidu dak il-potenzjal f’pajjiżna u fis-swieq globali.

It-tielet, niżguraw ilma nadif għal kulħadd. Fl-aħħar mill-aħħar, ilkoll neħtieġu ilma nadif biex ngħixu b’saħħitna: iċ-ċittadini, il-kumpaniji, l-industrija, il-bdiewa. Neħtieġu lil kulħadd jagħti sehmu biex innaqqsu l-istress fuq l-ilma, niksbu s-sigurtà tal-ilma u nagħmlu l-industrija tal-ilma tagħna aktar kompetittiva.

Fit-tellieqa globali għar-riżorsi, l-Ewropa trid tkun minn ta’ quddiem fit-tranżizzjoni lejn soċjetajiet intelliġenti fl-użu tal-ilma.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport