L-ilsien tagħna l-Maltin huwa dak li jagħmilna kburin. Huwa l-ingredjent ewlieni li jagħtina identità unika, jsawwarna bħala nazzjon u jiddistingwina minn ġnus oħra. Huwa wkoll l-għodda essenzjali ta’ komunikazzjoni bejn iċ-ċittadini ta’ din l-art.
Minkejja dawn il-fatturi kollha, bħala poplu Malti kemm qed nibżgħu għal ilsien art twelidna? Fuq kollox, għandna għalfejn niftaħru li l-ilsien tagħna l-Maltin huwa rikonoxxut bħala l-uniku wieħed semitiku fost l-ilsna uffiċjali fl-Unjoni Ewropea.
F’dan il-kuntest għalhekk ħaqqu kull tifħir il-President tar-Repubblika, Dr George Vella meta ftit ġimgħat ilu mhux biss ippatronizza l-kampanja “l-Ilsien Malti għal Qalbi” imma wkoll li kellu kull raġun l-Eċċellenza Tiegħu jinsisti biex nużaw kliem Malti ħalli ma nitilfux l-għeruq tal-Ilsien Malti. Il-President ta’ Malta iddefenda tabilħaqq l-ilsien Malti u b’għemilu kien ta’ eżempju għaċ-ċittadini Maltin kollha.
Għax jekk għandna kliem Maltin il-għala għadna nissellfu kliem u frażijiet minn ilsna oħra li mhumiex tagħna. Għalhekk dan ipoġġi fuqna l-Maltin il-ħtieġa li, mill-kbir saż-żgħir, nagħrfu napprezzaw is-sbuħija ta’ dak kollu jsawwar l-identita tagħna bħala poplu ħieles li bi kburija tagħmilna ġens distint minn ġnus oħra.
Tkellimna kemm il-darba minn dawn il-kolonni dwar il-ħsara li tista ssir lill-ilsien Malti, jekk biex nidhru sbieħ u moderni, inwarrbu u ma nibqgħux nitkellmu velnakular tagħna. U żgur li ma rridux li l-ilsien Malti jerġa’ jkun sekondarju għall-Ingliż u t-Taljan bħalma kien fis-snin Tletin. Diġa tlifna ħafna mid-djaletti ta’ diversi rħula f’pajjiżna.
Għax, ngħiduha kif inhi, jekk bosta Maltin jibqgħu jitrattaw l-ilsien art twelidna bħala tat-tieni klassi, allura t-58 sena li pajjiżna ilu ndipendenti mhux biss ma jkunu swew għal xejn imma wkoll nistgħu nsibu ruħna lura lejn iż-żminijiet meta l-Malti kien meqjus ilsien tal-kċina.
Tkun għalxejn ukoll l-għajta ta’ Rużar Briffra “Jien Maltija miskin min ikasbarni”.
Pajjiżna huwa parti mid-dinja u ma jgħix f’iżolament, u għalhekk nifhmu li ma fiha xejn ħażin, anzi huwa tajjeb ħafna li nkunu multilingwistiċi u nkunu nafu nitkellmu b’ilsna oħra differenti iżda dan m’għandniex nagħmluh għas-skapitu ta’ lsien art twelidna stess.
Nemmnu għalhekk li l-ilsien Malti rridu nkomplu nibżgħu għalih għax huwa wkoll element li jgħaqqadna flimkien bħala poplu. B’kampanji bħal dik li tnediet mill-President ftit tal-jiem ilu, u permezz ta’ aktar pjattaformi fejn wieħed ikun jista’ jesprimi ruħu bil-lingwa Maltija, nistgħu naslu għal dan il-għan.