Sunday, October 27, 2024

L-ILSIEN MALTI, L-UE U RAY MAHONEY

Jikteb Frans Ghirxi

Aqra wkoll

Fil-jiem li għaddew seħ­ħew affarijiet li l-qofol tagħhom idur mal-ilsien Malti. Ilsienna. Dak li jiddistingwina minn ġnus oħ­rajn. Dak li minkejja ċ-ċokon tagħna jagħmilna kburin. Hawn ġnus ferm u ferm akbar minna li ma jistgħux jgħidu dak t’hawn fuq. Ċir­kostanza li għandna ngħożżuha. Naf li se tgħidli li sfortunatament mhux ftit huma dawk li bilkemm ma jistħux jitkellmu bil-Malti. Bilkemm ma jikkonsidrawkx inferjuri għa­lihom jekk ma titkellimx bl-Ingliż bħalhom minkejja li huma Maltin minn rashom sa għarqubhom. Tali attitudni tħammar lil wiċċhom u mhux l-oppost.

L-affarijiet li seħħew. Tlieta. Tnejn minnhom kien involut fihom il-Membru Parla­mentari Ewropew Laburista Alex Agius Saliba u li kienu jikkonċernaw l-ilsien Malti fil-kuntest ta’ UE. Il-punt tat-tluq hu li l-ilsien Malti huwa lsien uffiċjali tal-UE bħall-il­­-s­na tal-pajjiżi l-oħra membri. Agius Saliba rrefera għal każ li kien ilu jaħdem fuqu hu aktar minn sena. Għamel dan f’kitba f’din il-gazzetta fil-ħarġa tat-23 ta’ Lulju li għadda bit-tit­lu ‘Il-Malti mhux lingwa tat-tieni klassi’.
Il-każ kien dwar sejħa li għamlet il-Kummissjoni Ew­ropea għal reklutaġġ ta’ uffiċjal biex jaqdi funzjoni importanti fl-Uffiċċju tar-Rappre­żen­tanza tal

Kummissjoni Ew­ropea f’Malta. Fost il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni kien hemm li dan l-uffiċjal irid ikollu kmand tajjeb tal-il­sien Malti biex ikun jista’ jinteraġġixxi mal-Maltin. Kif ukoll tħalli lill-awtoritajiet jitkellmu u jfissru l-messaġġ tagħhom bl-aħjar mod possibbli u bl-aktar mod ħieles permezz tal-ilsien Malti.

Applikaw għal din il-kariga għadd ta’ Maltin, imma mbierka s-sapjenza t’Alla ngħażel kandidat mil-Latvja li m’għandux kmand tajjeb tal-ilsien Malti. Ma nafx hux kumbinazzjoni li nzerta li l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea huwa wkoll mil-Latvja. Int li qed taqra tinsab ħieles tasal għall-konklużjonijiet tiegħek.

Agius Saliba deherlu li ma kellux jaċċetta din is-sitwazzjoni u oġġezzjona mal-Kum­missjoni Ewropea, pro­ċess li baqa’ għaddej bih sa quddiem l-Ombudsman Ew­ropea. Ġie mistħarreġ il-każ u ftit tal-ġranet ilu Alex Agius Saliba ngħata raġun u issa l-Kummissjoni Ewropea se jkollha terġa’ tibda l-proċess ta’ reklutaġġ biex ikun żgurat li r-rekwiżiti tal-kariga jiġu rispettati u li għal din il-kariga tingħażel persuna li tkun titkellem il-Malti.

Prosit Alex. Għandek ra­ġun tgħid li “Malta għandha tiġi trattata b’mod ġust u tingħata trattament ugwali għal dak li jingħataw l-Istati Membri l-oħra għax aħna m’aħniex ċittadini Ewropej tat-tie­ni klassi. Il-lingwa Mal­tija mhijiex inferjuri għal lingwi uffiċjali oħra u l-kapa­ċità tagħna li nitkellmu żewġ lingwi m’għandhiex tintuża biex tiddiskrimina kontrina”.

Dak kien l-ewwel każ. It-tieni każ kien jittratta l-appoġġ li sabet mill-Kumitat għall-Impjiegi tal-Parlament Ewropew talba ta’ Agius Saliba għal finanzjament adeg­wat għal servizzi ta’ interpretazzjoni u traduzzjoni mill-istituzzjonijiet tal-UE, inkluż il-Parlament, filwaqt li jkun żgurat l-internalizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi u s-saħħa u sikurezza tal-ħaddiema li jipp­rovduhom. Ħajr u prosit mill-ġdid lil Alex.

Agius Saliba ilu joġġezz­jona għal nuqqas ta’ tradutturi u interpreti Maltin fil-la­qgħat tal-UE. Il-kwistjoni ilha titqajjem mhux ħażin. F’Marzu li għadda Agius Sa­li­ba oġġezzjona għan-nuqqas ta’ interpretazzjoni Maltija fil-la­­qgħa tal-Kumitat għall-Imp­jiegi li għaliha attendiet ukoll il-Kummissarju tal-UE għall-Ugwaljanza Helena Dalli.

Waqt li kont qed nikkonsidra dwar din il-kitba għaddew minn moħħi diversi għaq­diet tal-Malti, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, l-Akkademja tal-Malti, l-Għaq­da tal-Malti fl-Università u oħrajn. Taw xi kontribut, appoġġ, spalla, għal dak li kien qed jittratta fil-Parlament Ewropew id-Deputat Par­­­lamentari Malti Alex Agius Saliba? Jekk iva, filwaqt li nifirħilhom, jimporta jgħidulna x’kien il-kontri­but? Jekk le, jistgħu jgħidulna għaliex ma ħassewx il-bżonn li jkunu ta’ appoġġ, ta’ spalla?
L-aħħar episodju, it-tielet wieħed, fejn jirrigwarda l-ilsien Malti li rrid nirreferi għalih huwa wieħed ta’ sogħba kbira. Tlifna lil Ray Mahoney. Wieħed mill-fundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju. L-ilsien Malti tilef suldat qalbieni fid-difiża tie­għu.

Li dejjem ta sehem kbir b’diversi forom, imma fil-bażi tagħhom kien hemm dejjem mirquma ħilet dan l-awtur, poeta, kittieb, qarrej fenomenali. Li dejjem kien fuq quddiem nett fid-difiża ta’ lsien pajjiżna.

B’dispjaċir nistqarr li sten­nejt ferm aktar dwar it-tel­fa ta’ Ray. Niddejjaq nagħ­mel paraguni imma l-abjad qatt ma sejjaħtlu iswed. Tul is-snin li għaddew tlifna kontributuri u difensuri oħrajn tal-ilsien Malti. Intqal ħafna dwarhom, u hekk kien xie­raq. Għalhekk inħoss li Ray kien jistħoqqlu ferm aktar riko­nox­ximent. Nieqaf hawn.

Appell lill-Kunsilli Lokali ta’ Santa Luċija u San Ġiljan. Naħseb li tkunu qegħdin tagħtu ġieħ mistħoqq mhux ftit lil Ray Mahoney jekk fil-lo­kalitajiet tagħkom twaqq­fu monumenti f’ġieħu kif ukoll tiddedikaw toroq għalih. Ray twieled San Ġiljan u għex għal snin twal Santa Luċija. Ċertament li ma tkunux qegħdin toħorġu barra minn triqtkom jekk tagħmlu dan.

Strieħ fis-sliem Ray. L-ilsien Malti jibqa’ rikonoxxenti lejk.
[email protected]

1 kumment

  1. Sewwa qal u kiteb Dr,Saliba.Fejn qeghdin u kienu l Ghaqdiet tal-Malti?Veru tal misthija basta kullhadd jippoppa sidru w jiddetta xandu jsir biex ilsien il Malti nibqaw nozzuh.

Comments are closed.

Sport