Sunday, December 22, 2024

L-ILSIEN MALTI … MILL-PAROLI GĦALL-FATTI

Aqra wkoll

L-aħbar ta’ ftit ġimgħat ilu li twaqqaf ċentru għall-ilsien Malti qanqlet reazzjoni pożittiva ferm fost dawn li jħobbu lsien art twelidna. Mhux l-inqas dan il-ġurnal, li ilna nipprietkaw fuq il-ħtieġa li nibżgħu għall-ilsien tagħna stess. 

L-għan wara t-twaqqif ta’ dan iċ-ċentru huwa li taħt il-gwida u direzzjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Malti mmexxi minn Dr Olvin Vella, jimplimenta proġetti li jipproteġu l-ilsien tagħna, u allura l-identità tagħna.

Aħna nemmnu li l-Ministru Owen Bonnici għamel għażliet bis-sens tal-persuni li għandhom imexxu dan iċ-ċentru tal-ilsien Malti, u nemmnu wkoll li se jkunu qed jagħtu kontribut sostanzjali, għax għandhom l-esperjenza f’dan is-settur tant għażiż għalina. 

Ilna ninsistu minn dawn il-kolonni biex isir l-investiment meħtieġ fir-riżorsi umani u ninsabu ċerti li din l-entità ġdida se tkompli tagħti dik l-imbuttatura li ilha mistennija biex l-ilsien Malti jkun mitkellem u miktub kif xieraq. 

Irridu niftakru wkoll li l-ilsien tagħna huwa l-uniku lsien semitiku fl-Unjoni Ewropea u dan għandu jagħmilna uniċi u distinti mill-bqija tal-membri tal-UE.

Għalkemm bosta ilsna nkluż dak Malti jkunu taħt pressjoni minn influwenzi lingwistiċi esterni, fil-fehma tagħna hemm ħafna u xogħol x’isir biex l-ilsien Malti jitħares speċjalment fil-kuntest ta’ Malta li kull ma tmur qed issir dejjem iktar kożmopolitana.

Il-prijoritajiet għandhom ikunu bla dubju ta’ xejn il-ħolqien ta’ grupp ta’ esperti tekniċi u kompetenti sabiex imbagħad dawn jimlew ħafna vojt kbir li jeżisti fis-settur. Għax liema pajjiż li jħobb lil-lingwa tiegħu ma joħloqx dizzjunarju uffiċjali tal-lingwa tiegħu? Liema pajjiż li jħobb il-lingwa tiegħu ma joħloqx teżawru u iċċekkjatur uffiċjali online bħal-lingwi l-oħra kollha?

Hemm bżonn ukoll li ħafna negozji jifhmu l-ħtieġa li r-reklamar li jagħmlu jkun fl-ilsien Malti u mhux f’ilsien ieħor u b’hekk huma stess ikunu wkoll qed jikkontribwixxu fit-tisħiħ u t-tħaris tal-ilsien Malti.

Għalhekk huwa tajjeb li pajjiżna se jkun qed jieħu bis-serjetà l-kwistjoni tal-ilsien Malti u b’hekk mill-paroli se nkunu qed ngħaddu għall-fatti.

Ekonomija

Sport