Monday, November 11, 2024

L-IMF bi tbassir ekonomiku pożittiv għal pajjiżna 

Aqra wkoll

Esperti tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) fi rapport tagħhom li jinħareġ wara analiżi estensiva tal-ekonomija kellhom kliem ta’ tifħir għall-mod kif qed titmexxa l-ekonomija ta’ pajjiżna.

Il-Bord Eżekuttiv tal-IMF ikkonkluda li l-irkupru ekonomiku ta’ pajjiżna mill-pandemija kien b’saħħtu ħafna, tant li pajjiżna kellu t-tieni l-aqwa rata ta’ tkabbir minn fost il-pajjiżi kollha taż-żona ewro.

Ir-rapport jirrikonoxxi wkoll ir-rata ta’ qgħad storikament baxxa li hawn f’pajjiżna bħalissa.

Il-Fond Monetarju Internazzjonali qal li din is-sena l-ekonomija Maltija se tkun kibret b’6.5%, u għalhekk din hija rata ferm ogħla minn dawk imbassra minn istituzzjonijiet oħrajn. Fl-istess waqt ġie nnutat ukoll li l-inflazzjoni baqgħet fost l-inqas mill-pajjiżi taż-Żona Ewro. L-IMF tikkonferma li dan qed iseħħ minħabba li l-Gvern qiegħed jagħmel tajjeb għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils.

Fir-rapport tagħhom l-Bord Eżekuttiv tal-IMF jgħid li s-sitwazzjoni ekonomika internazzjonali se tkompli tmur għall-agħar iżda mhux l-istess jista’ jingħad għall-pajjiżna hekk kif din mistennija tkompli tikber, filwaqt li l-inflazzjoni mistennija tkompli tonqos.

L-esperti tal-IMF faħħru r-riformi kbar li saru mill-Gvern Malti biex l-istituzzjonijiet jaħdmu ħafna aħjar. Fl-istess waqt irrikonoxxew il-ħidma kbira biex Malta ħarġet mill-lista l-griża tal-FATF.

Ir-rapport jinnota ż-żieda qawwija fir-riżorsi allokati lill-istituzzjonijiet regolatorji kif ukoll il-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-regolamenti. Dan filwaqt li nnutaw kif fl-aħħar sentejn l-awtoritajiet wasslu għal progress fir-riforma tas-sistema ġudizzjarja tal-pajjiż.

Ir-rapport jilqa’ wkoll il-ħidma tal-Gvern biex pajjiżna iwettaq it-trasformazzjoni ambjentali u diġitali fis-snin li ġejjin, speċjalment il-pjan ta’ rkupru u resiljenza.
L-istess bord iħeġġeġ lill-Gvern Malti biex itejjeb il-ħiliet tal-ħaddiema u biex ikompli jħeġġeġ biex aktar nies jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Fuq il-profil tiegħu fuq Twitter il-Prim Ministru Robert Abela b’reazzjoni għal dan ir-rapport sostna li l-analiżi tal-esperti indipendenti tal-IMF u kif fost oħrajn innutaw l-irkupru b’saħħtu tal-ekonomija Maltija u li r-rata tal-inflazzjoni baqgħet fost l-inqas fiż-żona ewro.

Dr Abela nnota wkoll l-aċċenn tal-esperti għar-rata ta’ qgħad storikament baxxa f’pajjiżna u t-tifħir lejn ir-riformi istituzzjonali li qed isiru f’pajjiżna. 

Filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-esperti tal-IMF inkoraġġixxew lill-Gvern iwettaq iktar riformi, huwa aċċerta l-impenn tal-Gvern favur dan.

Sport