Saturday, February 7, 2026

L-IMF tinnota t-titjib qawwi fis-sistema ġudizzjarja u tħeġġeġ aktar riformi

Aqra wkoll

Rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali (l-IMF) jikkonferma kemm tjiebet l-effiċjenza tal-qrati f’pajjiżna, speċjalment meta wieħed iħares lejn it-tnaqqis fl-ammont ta’ ġranet biex ikun riżolt każ ċivili u kummerċjali. Fil-fatt statistika tal-Justice Scoreboard tindika li fl-2012 każ ġdid kien jieħu medja ta’ 685 jum biex jiġi riżolt. Sal-2024 dan naqas għal 454 jum. Dan ifisser titjib ta’ 231 jum jew terz. Kien biss fl-Islovakkja li kien hemm tnaqqis aktar qawwi, bi tnaqqis ta’ 264 jum, jew 60%. Fi 15-il stat membru ieħor fl-istess snin kien hemm żieda fit-tul ta’ żmien biex jinqata’ każ. Per eżempju fil-Greċja ż-żmien twal bi 302 jum, fi Spanja b’180 jum, fil-Lussemburgu b’148 jum u fil-Polonja b’162 jum.

Mentri fl-2012 it-tul ta’ żmien biex jinqata’ każ f’Malta kien kważi erba’ darbiet it-tul fil-Ġermanja, issa dan naqas taħt id-doppju. Jiġifieri d-distakk li kien hemm naqas bin-nofs. F’Malta, każ illum idum anqas minn erba’ darbiet aktar milli jdum fil-pajjiż bl-anqas tul ta’ żmien fl-Unjoni, mentri fl-2012 kien idum aktar minn disa’ darbiet aktar.

Ir-rapport jinnota d-diversi riformi li twettqu fl-aħħar snin fosthom iż-żieda fil-membri tal- ġudikatura, it-titjib fil-pagi u kundizzjonijiet tagħhom, id-diġitalizzazzjoni tas-sistema, l-espansjoni tal-faċilitajiet u binjiet ġudizzjarji, ir-riformi fil-ħatriet tal-ġudikatura kif ukoll miżuri oħra biex tiżdied l-effiċjenza.

Skont l-IMF l-membri tal-ġudikatura żdiedu b’40%, l-istess kif ġara fl-istaff tal-qrati. L-ispiża nazzjonali fuq is-sistema ġudizzjarja llum laħqet it-tielet l-ogħla fl-Unjoni, mentri fl-2013 kienet it-tnax l-aktar għolja. Dan jikkonferma l-investiment qawwi tal-Gvern f’dan il-qasam. Barra minn hekk, issa l-pagi tal-ġudikatura u tal-prosekuzzjoni saru fost l-aktar għoljin fl-Ewropa, speċjalment għall-Maġistrati u Imħallfin ġodda. Tant li issa dawn jitħallsu ħames darbiet il-paga medja. Dan hu aktar mid-doppju ta’ pajjiżi ġirien tagħna. Dan it-titjib beda jseħħ mill-2018 u skont l-IMF qabel il-pagi għall-ġudikatura f’pajjiżna kienu wisq baxxi.

Anke fejn jirrigwardja l-ħatriet tal-ġudikanti l-IMF innotat bidliet kbar. Skont ir-rapport, storikament il-ħatriet tal-ġudikatura kienu suġġetti għal żbilanċ politiku, mentri issa l-proċess ġie depolitiċizzat. Dan wassal għal titjib fl-indipendenza tal-ġudikatura. Ir-rapport tal-IMF ifaħħar ukoll il-ħatra tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ġustizzja.

L-introduzzjoni ta’ Qorti Kummerċjali mistenni jwassal għal aktar effiċjenza, u anke l-introduzzjoni ta’ Qorti tal-Familja se jnaqqas il-pressjoni fuq il-Qorti Ċivili. Din l-ispeċjalizzazzjoni, skont l-IMF, se ttejjeb il-kwalit? u l-effiċjenza tal-Qrati, speċjalment fejn jidħlu każijiet kummerċjali għax se jkun hemm aktar riżorsi dedikati għalihom.

Fattur ieħor importanti huwa d-diġitalizzazzjoni, fejn ir-rapport jinnota l-allokazzjoni ta’ għaxar miljun ewro għal dan il-għan. Dan l-investiment se jirriżulta f’organizzazzjoni aħjar tal-każijiet u jwassal għall-użu aħjar tar-riżorsi umani tas-sistema ġudizzjarja.

L-IMF jirrimarkaw li l-Ministeru tal-Ġustizzja qiegħed jieħu diversi passi biex inaqqas l-abbuż tas-sistema, biex iħaffef il-proċessi u b’hekk il-ġustizzja ssir aktar malajr.

Filwaqt li laqgħu r-riformi li wettaq sa issa l-Gvern, l-IMF saħqu fuq il-bżonn ta’ aktar riformi ħalli l-momentum tal-bidla jkompli jissaħħaħ. Il-Gvern jaqbel ma’ diversi mir-rakkomandazzjonijiet prattiċi tal-esperti barranin u se jkun qiegħed jaħdem biex is-sistema ġudizzjarja tibqa’ tissaħħaħ u tkun ta’ sostenn għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport