Minn leġiżlatura għall-oħra, il-poplu jeleġġi r-rappreżentanza tiegħu fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Jagħżel membri parlamentari li l-irwol tagħhom huwa li jiddiskutu u jiddibattu b’maturità t-triq ’il quddiem biex jittieħdu l-aqwa deċiżjonijiet u fejn hemm bżonn isiru riformi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu.
Hemm diversi modi kif membru parlamentari jista’ jressaq l-ilmenti tan-nies u l-weġgħat tagħhom. Minbarra d-diskorsi tagħhom il-kelliema għandhom iċ-ċans li mhux biss jistaqsu mistoqsijiet parlamentari biex jitolbu aktar dettalji f’isem iċ-ċittadini, iżda anke jużaw il-ħin tal-aġġornament biex iressqu xi punti li jkunu jitolbu kjarifika mill-entitajiet responsabbli.
Nifhmu li jista’ jkun hemm ċertu suġġetti li hija raġjonevoli li ssir talba biex dawn jiġu trattati b’urġenza, iżda nemmnu wkoll li għandha tkun is-sedja li tiddeċiedi dwar jekk din it-talba tkun deċiżjoni għaqlija li tiġi aċċettata jew le.
Żgur li mhux aċċettabbli li f’temp ta’ ftit ġimgħat l-Oppożizzjoni tagħżel li tiskarta s-suġġett skedat għad-diskussjoni u ddawwar is-seduta f’ballun politiku bħalma huwa s-suġġett tal-konċessjoni tal-isptarijiet. Filwaqt li l-gvern qed jgħid li m’għandu l-ebda problema jiddiskuti dwaru, nifhmu li ntalbu jsiru rapporti, liema rapporti qed jinħarġu skont kif mitlub biex tinżamm it-trasparenza, iżda ma narawhiex flokha li l-Kamra twarrab suġġetti soċjalment sensittivi biex tibqa’ tirrepeti attakki fuq il-gvern fuq konċessjoni li dwarha kien hemm sentenza mill-Qorti u anke rapporti mill-awditur ġenerali.
Minkejja bidliet li jista’ jkun li jsiru fil-mod ta’ kif jitħaddem il-parlament naħseb hija arroganza li kelliem jgħid li għandu dritt li jiddevja minn suġġett bħalma huwa l-akkomodazzjoni soċjali biex jitkellem dwar il-Vitals. Ftit sigħat wara, f’seduta oħra li saret l-għada, kelliem ieħor tal-Oppożizzjoni, eks mexxej tal-Partit Nazzjonalista jagħżel li jerġa’ jagħmel l-istess u jitkellem dwar l-isptarijiet waqt diskussjoni li kellha titratta l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-att dwar il-Kummissarji għall-Ġustizzja.
Nemmnu wkoll li l-maturità hija nieqsa f’din l-ogħla istituzzjoni. Il-parlament m’għandux ikun il-post tat-tisbit tas-saqajn fejn jew tgħaddi tiegħi jew inqajjem kaos. Il-parlament għandu jkun il-post tad-diskussjoni bi kritika kostruttiva li minnha jkun jista’ jibbenefika l-poplu. Imġiba bħalma hija suppervja, għajjat inkontrollabbli u anke li jkollok s-sedja li jkollha toħroġ l-għaraq biex tikkontrolla l-furja ta’ ċertu battuti bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra tnaqqas mid-dinjità ta’ dawk involuti u mir-rispett tagħhom lejn dawk li afdawhom biex jirrappreżentawhom.