Filippo Neviani jew kif inhu magħruf aħjar bħala Nek, twieled fis-6 ta’ Jannar 1972 u hu kantant, kittieb tal-kanzunetta kif ukoll mużiċist. Hu bniedem popolari ħafna mhux biss fl-Italja iżda ma’ dawk is-segwaċi tal-mużika bil-lingwa Spanjola. Fil-fatt hu kiteb u interpreta diversi kanzunetti b’dawn iż-żewġ lingwi.
L-ewwel suċċess tiegħu kisbu fl-1997 meta ħa sehem fil-Festival ta’ Sanremo fil-kategorija tal-artisti l-kbar bid-diska tant famuża tiegħu Laura Non C’e’. Din id-diska kienet suċċess kbir mhux biss fl-Italja, iżda wkoll fl-Ewropa hekk kif ħarġet ukoll bl-isem Laura no esta. U naturalment ma jonqosx li kif isemmi lil Nek, tissemma’ din l-imbierka Laura li tant tingħata referenza fl-istess diska.

Hu reġa’ ttanta xortih fil-festival ta’ Sanremo fl-2015 bid-diska Fatti Avanti Amore fejn saħansitra spiċċa fit-tieni post. F’dik l-istess sena hu ħareġ l-album Lei, gli amici e tutto il resto li ġabitlu ħafna suċċess, kif mistenni wara kollox.
Fil-karriera tiegħu, hu ħareġ 13-il studio album u 48 diski singles li fost l-oħrajn inkludew Sei Solo Tu, Almeno Stavolta, Lascia che io sia, Instabile u La voglia che non vorrei. B’kollox hu biegħ 10 miljun rekord tal-mużika.
Sena ilu, eżattament fi Frar 2024 hu reġa’ kkompeta fil-Festival tant popolari ta’ Sanremo flimkien ma’ Francesco Renga bid-diska Pazzo di Te.
Nek hu miżżewweġ lil Patrizia Vacondio u għandhom tifla bl-isem ta’ Beatrice Maria li għandha 15-il sena. Nek hu wkoll kattoliku fejn għandu fidi kbira lejn Alla.
Riċentement Nek kien f’pajjiżna sabiex flimkien mal-grupp leġġendarju UB 40 jagħmlu kunċert f’pajjiżna bl-isem ta’ Vernal Festival. Fiż-żewġ serati tal-Vernal Festival ħadu sehem ukoll il-bands Red Electric u The Travellers.

Il-Vernal Festival jittella’ minn BLS Entertainment bil-kollaborazzjoni tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Iċ-Chairperson tal-MTA, Dr Charles Mangion, qal li dawn il-kunċerti jiġbdu nies kemm lokali u wkoll barranin.
Dan is-sit ltaqa’ ma’ Nek fejn il-ġurnalist Cristian Muscat tkellem miegħu dwar diversi temi. “Kelli eċitament kbir li wasalt f’Malta. Kuntent ukoll li tajt wirja mill-aqwa fil-kunċert li sar fit-tinda tal-MFCC f’Ta’ Qali. Għoġobni ħafna l-palk li kien magħmul b’reqqa kbira. Il-folla kbira li kien hemm għen sabiex kollox mar tajjeb u b’wiċċ il-ġid.”
“Intenni li ninsab kuntent ħafna. Palk mill-isbaħ. L-imħabba li rċevejt minn Malta hi straordinarja. Ħafna nies laqgħuni tassew bħal membru tal-familja. Jien kuntent għal dan għaliex meta tiġi milqugħ hekk u b’dan il-mod kollox ikun iktar sempliċi, ħafif.”
Nek qal li kellu kollaborazzjoni mill-aqwa mal-promotur filwaqt li faħħru tal-professjonalita’ tiegħu. Hu kien verament sodisfatt anke bl-atmosfera li ħolqu n-nies. U proprju n-nies għenuh sabiex hu stess iħossu iktar komdu jwettaq xogħlu bl-aqwa mod possibbli. Hu kellu kliem ta’ tifħir għall-poplu Malti inġenerali.
“Ġejt milqugħ bl-aqwa mod possibbli qisni wieħed tal-familja. U meta inti tara r-rispett u anke jtuh ħafna importanza, mingħajr ma trid tħossok tajjeb u trid tipprova timpressjona lill-udjenza quddiemek. Din l-imħabba stajt inħossha fil-mument li nżilt f’Malta sa waqt u wara l-kunċert.”
Hu jgħid li jinteraġixxi ħafna man-nies bil-kant, bid-daqq tal-istrument u anke permezz tal-kitba tal-mużika fejn hemmhekk jesprimi s-sentimenti tiegħu.
Saqsejna wkoll lil Nek dwar il-programm li qed jippreżenta flimkien ma’ Bianca Guaccero bl-isem ta’ Dalla Strada al Palco.
“Hu programm li qed nieħu gost nippreżenta flimkien ma’ Bianca. L-isbaħ parti hi dik li qed naraw artisti li litteralment bdew mit-triq u li issa jinsabu fi tfittxija tal-fama. Fil-fatt kantanti, mużiċisti u artisti jesprimu ruħhom u fuq kollox juri t-talenti tagħhom.”
Nek qalilna li hemm differenza minn meta jeżebixxi t-talenti tiegħu għal meta jippreżenta programm fuq it-televiżjoni. Hu jidentifika ruħu sew ma’ dawn it-talenti minħabba li hu beda bl-istess mod sakemm ħa l-fama.
Iżda kif raha tinbidel il-mużika Taljana matul iż-żmien?
“Bla dubju li l-mużika Taljana fid-dinja hi ferm famuża, l-istess bħalma hi famuża l-kċina tant delizzjuża tagħna. Il-melodija Taljana mfittxija kullimkien u meta tqis li aħna għandna wkoll ismijiet popolari bħal Andrea Bocelli u Luciano Pavarotti bla dubju li tikber fid-dimensjoni tagħha.”
Nek isemmi kemm il-festival ta’ Sanremo li jsir fl-ewwel ġimgħa ta’ Frar u anke l-Eurovision Song Contest fejn l-Italja qed terġa’ tieħu sehem, huma żewġ pjattaformi importanti għal kull min hu midħla tal-kanzunetta fl-Italja. Ovvjament kif qal tajjeb hu, kull epoka jġib bidla fl-istil tal-mużika u għalhekk ma jixtieqx jiġġudika kantanti u gruppi tal-lum il-ġurnata.
Finalment kif qed jarah il-futur tiegħu?
“L-ewwelnett jien inħalli dejjem f’idejn Alla. Jien nemmen ħafna fiH u għalhekk nirringrazzjah ta’ dak kollu li dejjem itini. Minkejja kollox, jien persuna li dejjem nara kif nivvinta xi ħaġa sabiex dejjem nagħti l-kontribut tiegħi fil-mużika. Din hi ħajti, divertiment u aktar divertiment!”