Friday, June 6, 2025

L-imħabba tiegħi lejn Victoria Hotspurs hija fjamma li, ladarba tixgħel, ma tintefa’ qatt – Karl Zammit

Aqra wkoll

Minn Cristian Mucsat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira. Niftakar li minn dejjem kont noqgħod nara l-futbol ma’ missieri, u minn hemm bdiet tinbet il-passjoni tiegħi għal din il-logħba sabiħa. Din l-imħabba kompliet tikber meta ngħaqadt man-nursery ta’ Victoria Hotspurs. Hawnhekk għamilt ħafna ħbieb, li llum il-ġurnata xi wħud minnhom huma wkoll membri tal- kumitat ċentrali tal-klabb.

Minn età żgħira kont inqatta’ ħafna ħin fil-kumpanija taż-żiju tiegħi, Alfred Grech, li sfortunatament ħalliena f’Lulju tas-sena li għaddiet. Kien hu li tani l-ewwel togħma vera tal- Hotspurs. Ħafna drabi kont immur miegħu l-klabb, u niftakar kif kien jirrakkontali b’għożża dwar iż-żiju Joe il-Likk – plajer mill-aqwa li kien jilgħab mal-Victoria Hotspurs u li kien meqjus bħala leġġenda f’żmienu.

L-imħabba tiegħi lejn Victoria Hotspurs FC hija fjamma li, ladarba tixgħel, ma tintefa’ qatt. Inħoss li dan il-klabb jirrappreżenta identità u unur għalina bħala Belt Victoria. Matul is-snin, dejjem għamilt ħilti biex ngħin fejn stajt – għax nemmen li għandna nieħdu ħsieb il-klabb tagħna biex inħalluh b’saħħtu għal dawk li ġejjin warajna. Il-Victoria Hotspurs għandu jkun mibni fuq pedamenti sodi, kemm fil-logħba kif ukoll ff-amministrazzjoni.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Kap Eżekuttiv ta’ Victoria Hotspurs FC.

Bħala Kap Eżekuttiv, ir-rwol tiegħi huwa li niżgura li l-operat kollu tal-klabb jimxi b’mod effiċjenti u professjonali. Jiena nieħu ħsieb l-istrateġija, il-pjanifikazzjoni u l-amministrazzjoni tal-klabb. Naħdem ħafna biex noħolqu ambjent stabbli fejn il-plejers, il-kowċis u l-istaff jistgħu jiffokaw fuq ir-riżultati u l-iżvilupp tagħhom. Fuq kollox, inservi ta’ pont importanti bejn l-Eżekuttiv tal-klabb u l-Kumitat Ċentrali. L-Eżekuttiv huwa l-ogħla organu fi ħdan il-klabb, u l-membri tiegħu jiġu magħżula direttament mill-President, li jkun elett mill-membri tal-klabb. F’dan il-kuntest, nixtieq nieħu l-okkażjoni sabiex nirringrazzja lill-President, Dr. Anton Tabone, għall-fiduċja li wera fija biex naħdem f’din il-kariga prestiġjuża.

Jiena persuna li nemmen b’saħħitha li kull membru, minn kull livell, għandu sehem importanti x’joffri lill-klabb. Għalhekk, dejjem inħeġġeġ li nies ġodda jinvolvu ruħhom fil- ħidma tagħna. Inħoss li l-involviment attiv ta’ kulħadd – b’mod inklussiv u trasparenti – huwa kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli tal-klabb. Kull persuna għandha tingħata l-ispazju u l- appoġġ meħtieġ biex tkun tista’ taħdem u tikkontribwixxi b’mod effettiv.

Jiena kburi ngħid li kemm ff-Eżekuttiv kif ukoll fil-Kumitat għandna taħlita sabiħa ta’ talenti, esperjenzi u ħiliet. Dan it-taħlita tgħinna immens biex inkomplu mexjin ‘il quddiem u nkabbru l-isem tal-Victoria Hotspurs. Il-motto li jmexxini dejjem kien – u jibqa’ – “aħjar il-ftit mill-ħafna milli l-ħafna mill-ftit.” Għalija, dan ifisser li rridu nkunu klabb magħqud, li japprezza kull kontribuzzjoni, u li jagħti valur lill-ħidma kollettiva.

X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess għall-promozzjoni min-National Amateur League 2 għan-National Amateur League 1 bħala Champions?

Is-suċċess tagħna ċertament ma ġiex b’kumbinazzjoni. Il-pedament ta’ kollox kien bla dubju l-għażla strateġika li saret fil-bidu: il-ħatra ta’ kowċ tal-ogħla livell bħal Oliver Spiteri. Il- preżenza tiegħu wasslet biex il-klabb jgħolli l-livell tiegħu fuq diversi fronti. Il-kapaċità ta’ Oliver li jimmotiva, li joħroġ l-aħjar minn kull plejer u li jżomm l-iskwadra ffokata u organizzata, kienet fundamentali fil-mixja tagħna lejn il-promozzjoni.

Apparti l-kontribut tal-kowċ, ma nistax ma nsemmix il-ħidma impagabbli tat-Team Manager, Marvin Buttigieg. B’ħsieb, passjoni u dedikazzjoni kbira, irnexxielu jifforma tim li fih ingħaqdu l-esperjenza mal-potenzjal tat-talent lokali. Il-bilanċ u s-sens ta’ familja li ħoloq fil-grupp kienu kruċjali biex jinħoloq ambjent pożittiv u kompetittiv.

Naturalment, ir-rwol tal-President Dr. Anton Tabone huwa wieħed li jagħmel differenza kbira. Huwa mexxa b’viżjoni ċara u b’kalm assolut, anke fi żminijiet ta’ sfida. Kwalità li napprezza ħafna fih hija l-ħila li jżomm il-paċi u l-fokus tal-klabb fuq l-għan ewlieni – li naslu sal-barkun finali b’dinjità u b’saħħa.

Fl-aħħar nett, iżda mhux l-inqas, dan is-suċċess huwa frott ta’ xogħol iebes, dedikazzjoni u għaqda vera bejn kull membru tat-tim – mill-plejers sal-istaff tekniku u l-amministrazzjoni. Il- lealtà li nbniet bejn kulħadd kienet il-qalba ta’ kollox. Kull wieħed u waħda minna emmen fil- proġett, ħadem għalih minn qalbu, u r-riżultati huma xhieda ta’ dan l-impenn kollettiv.

X’tikkummenta fuq il-kowċ Oliver Spiteri, il-president Anton Tabone u t-team manager Marvin ‘Zego’ Buttigieg, u kemm taħdem spalla ma’ spalla ma’ dawn it-tliet persuni fost persuni oħra?

Kif semmejt fil-mistoqsija ta’ qabel, ir-rwol ta’ dawn it-tliet persuni fis-suċċess li ksibna kien kruċjali. Meta jkollok tim ta’ nies professjonali, iddedikati u b’viżjoni ċara bħal Oliver Spiteri, Anton Tabone u Marvin Zego, ikun possibbli li toħlom u taspira għal-livelli l-aktar għoljin.

Oliver Spiteri huwa kowċ li għandu viżjoni ċara, dixxiplina kbira u esperjenza vasta li tispikka f’kull aspett tat-tmexxija teknika. Il-ħila tiegħu li jmexxi u jimmotiva lill-plejers tagħmel differenza reali fil-prestazzjoni tat-tim.

Anton Tabone, bħala president, huwa tabilħaqq il-pedament tal-klabb. It-tmexxija tiegħu hija bbażata fuq passjoni awtentika għall-futbol u għall-Victoria Hotspurs, u huwa dejjem preżenti meta jkun hemm bżonn id-direzzjoni jew l-appoġġ tiegħu.

Marvin Buttigieg huwa Team Manager eċċezzjonali li jagħti kontribut kontinwu kuljum. Ir-rwol tiegħu fil-koordinazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ kull aspett tal-iskwadra jagħmel minnu riżorsa imprezzabbli għall-klabb.

Ix-xogħol tiegħi magħhom huwa wieħed ta’ ħidma kontinwa u kooperazzjoni mill-qrib. Il- kuntatt bejnietna huwa kostanti, u huwa mibni fuq rispett reċiproku, ftehim u fiduċja. Din l- armonija hija ċ-ċavetta għal kull deċiżjoni strateġika li nieħdu ffimkien, u li ff-aħħar mill-aħħar tħalli l-frott fuq il-grawnd.

Kif tqis il-livell tan-National Amateur League 2, u dan kemm hu differenti minn dak tal-Gozo League?

Iż-żewġ kampjonati għandhom il-valur u l-karatteristiċi tagħhom, u kull wieħed minnhom jippreżenta sfidi u intensità partikolari. Madanakollu, hemm differenzi ċari bejn it-tnejn, kemm fil-format kif ukoll fir-ritmu tal-logħob.

Fil-National Amateur League 2, ir-ritmu huwa iktar intensiv għar-raġuni li il-partiti huma kważi kull ġimgħa, u hemm inqas spazju għall-mistrieħ jew għal taħriġ aktar estensiv bejn logħba u oħra. Dan jitlob livell għoli ta’ konsistenza, preparazzjoni u ffinalizzazzjoni tattika kontinwa. Huwa kampjonat fejn kull żball jista’ jiswik ħafna, u fejn l-istabbiltà tat-tim u l-fokus huma fatturi deċiżivi.

Min-naħa l-oħra, il-Gozo League għandu s-sabiħ tiegħu: għandek passjoni qawwija mill- partitarji, ambjent komunitarju u tradizzjoni kbira tal-futbol fil-gżira. Aspett importanti huwa wkoll li fil-Gozo League t-timijiet jistgħu jilagħbu b’erba’ plejers barranin, xi ħaġa li żgur tgħolli l-livell tekniku u kompetittiv tal-kampjonat.

B’mod ġenerali, it-tnejn għandhom posthom fis-sistema tal-futbol Malti u Għawdxi, u għandhom karatteristiċi li jagħmluhom uniċi. Għal min ikun involut f’kull wieħed minnhom, l-esperjenza tkun differenti iżda xorta ta’ valur għoli ħafna.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l -logħob uffiċjali tagħkom?

F’dak li għandu x’jaqsam mar-riżorsi u l-faċilitajiet, bħala klabb m’għandniex grawnd tagħna stess – kuntrarju għal diversi timijiet oħra. Din hija realtà li ilha teżisti u li dejjem xtaqna nbiddlu. Għalkemm sal-lum dan għadu xewqa li għadha ma seħħitx, is-sena li għaddiet għamilna pass importanti ‘l quddiem billi dħalna fi ftehim mal-klabb tal-Għarb Rangers sabiex nagħmlu użu mill-faċilitajiet tagħhom.

Il-grawnd tal-Għarb jipprovdi l-ambjent meħtieġ biex inżommu taħriġ regolari u organizzazzjoni teknika serja – kemm f’termini ta’ spazju kif ukoll infrastruttura bażika. Minn hawn, nixtieq nirringrazzja b’mod pubbliku lill-amministrazzjoni tal-Għarb Rangers kif ukoll lill-Kunsill Lokali tal-Għarb, li minn dejjem offrew l-appoġġ tagħhom. Bħala klabb, aħna kommessi li nkomplu nkabbru u nsaħħu din il-kooperazzjoni li tirriffetti l-valuri ta’ rispett u għaqda fil-komunità sportiva Għawdxija.

Rigward il-partiti tagħna f’Malta, il-biċċa l-kbira tal-grawnds huma ta’ livell tajjeb u joffru ambjent adegwat għall-kompetizzjoni. Madanakollu, nemmen li hemm lok għal titjib – partikolarment f’dawk il-grawnds fejn l-illuminazzjoni mhix biżżejjed. Dan jista’ jkollu impatt dirett fuq il-kwalità tal-logħba u, aktar importanti minn hekk, fuq is-sigurtà tal-plejers, speċjalment meta l-logħbiet jintlagħbu filgħaxija.

Għalina bħala klabb, il-faċilitajiet għandhom ikunu parti mill-viżjoni fit-tul tal-iżvilupp tal- futbol f’Malta u Għawdex. Aħna nittamaw li b’kollaborazzjoni u bi pjanar serju, dan l-aspett ikun indirizzat b’mod aktar strutturat fil-futur qarib.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-amministrazzjoni tal-futbol?

Nista’ ngħid li ilni snin mhux ħażin involut ff-amministrazzjoni tal-klabb, anke taħt diversi karigi tul iż-żmien. Fl-aħħar sentejn okkupajt kariga li ġġorr magħha ċertu piż u responsabbiltà – waħda li tirrikjedi dedikazzjoni kbira u impenn. Mhux se nkun jien li niġġudika kemm irnexxieli f’din il-kariga, iżda dak li nista’ ngħid b’ċertezza hu li dak kollu li nagħmel dejjem nagħmlu b’għan wieħed: li nkompli nkabbar isem il-klabb ewlieni tal-Belt Victoria li tant inħobb.

Ix-xewqa tiegħi tibqa’ li, bħala grupp magħqud, inkomplu naħdmu ffimkien sabiex nimxu ‘l quddiem bħala klabb – iżda dejjem b’sens ta’ gratitudni u rispett lejn dawk li ġew qabilna. Fl- istorja ta’ 77 sena tal-Victoria Hotspurs, kien hemm ħafna individwi li taw kontribut imprezzabbli biex il-klabb jasal fejn qiegħed illum, u dawn għandhom dejjem jkollhom post speċjali fil-memorja kollettiva tagħna.

Sakemm inkompli ngawdi mill-fiduċja tal-president u tal-Kumitat, jiena lest inkompli nservi bl-aqwa mod li nista’. Madankollu, jekk jasal il-mument fejn inħoss li qiegħed ngħejja jew li ma nistax nibqa’ nagħti kemm nixtieq, żgur li nkun l-ewwel wieħed li nagħmel spazju għal ħaddieħor. Dan nagħmlu b’responsabilta’, għaliex il-ġid tal-klabb għandu dejjem jiġi l-ewwel, qabel kull interess personali.

Ǫiegħed inħares lejn il-futur b’viżjoni pożittiva u b’ ħeġġa kbira li nagħmel differenza, u ninsab determinat li din l-esperjenza ff-amministrazzjoni tal-futbol tkun waħda ta’ suċċess għall- klabb li nirrappreżenta.

Għaddi messaġġ finali lill-partitarji numerużi ta’ Victoria Hotspurs FC.

Il-partitarji ta’ Victoria Hotspurs FC huma tassew nies speċjali – magħrufa għall-qalb kbira, għall-passjoni bla limitu u għall-fedeltà li qatt ma tfalli. Intom dejjem kontu – u tibqgħu – il- qalba tal-klabb tagħna. L-appoġġ tagħkom, kemm fi żminijiet sbieħ kif ukoll fi sfidi diffiċli, dejjem kien il-mutur li jmexxina ’l quddiem.

Illum, hekk kif bhala klabb ninsabu f’fażi ġdida u storika, il-preżenza tagħkom ssir iżjed kruċjali minn qatt qabel. Bħala klabb b’ambizzjoni u b’viżjoni ċara, dejjem emminna fil-ħolma li nkomplu nkabbru l-isem tagħna lil hemm mill-gżira Għawdxija. Huwa propju għalhekk li ħadna l-pass kuraġġuż li noħorġu mill-”comfort zone” tagħna u ningħaqdu mal-kampjonati organizzati mill-Malta Football Association. Nixtieq nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja lit- timijiet kollha Maltin li laqgħuna b’rispett u sportsmanship fil-familja kbira tal-MFA. Dan l- appoġġ jagħtina saħħa u determinazzjoni sabiex nagħtu l-aħjar tagħna.

Nafu li l-vjaġġ quddiemna mhux se jkun faċli – iżda bl-għaqda, bid-determinazzjoni u, fuq kollox, bis-sapport kontinwu tagħkom, nistgħu naffrontaw kull sfida u nagħmlu dan il-kapitlu wieħed li jħalli marka oħra ff-istorja ta’ dan il-klabb glorjuż. Għal 77 sena s-sapport tagħkom għamel differenza f’kull grawnd f’Għawdex. Issa, nistednukom tkunu parti wkoll minn dan l- kapitlu ġdid, u nġorru ffimkien il-bnadar ħomor tagħna fkull rokna ta’ Malta.

Grazzi mill-qalb ta’ dak kollu li tagħtu lill-klabb – il-futur tagħna jibda bikom. Flimkien inkomplu nikbru. Flimkien inkomplu noħolmu. ‘Aħna l-Hotspurs’ – għax l-imħabba għal dan il-klabb ma tintemm qatt!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport