F’ċerimonja li saret ilbieraħ fil-Palazz tal-Granmastru, il-Belt Valletta, l-Imħallef Emeritu Toni Abela nħatar bħala l-ewwel Kummissarju għall-Istandards fil-Ġudikatura.
Wara li ngħata l-ġurament tal-ħatra mill-President Myriam Spiteri Debono, il-Kummissarju Abela qal li t-tliet kwalitajiet neċessarji u kruċjali għal kull min jokkupa din il-kariga huma l-integrità, il-ħniena u l-bżonn fl-istess ħin li jkun sod.
Huwa enfasizza li se jkun qed jissokta b’eżerċizzju sabiex il-pubbliku jkun mgħarraf dwar din il-kariga. Dan filwaqt li qal li din il-kariga m’għandhiex tispiċċa “xi arma” biex timmina lil xi ħadd.
Min-naħa tagħha, il-President Spiteri Debono qalet kif permezz tal-ħolqien ta’ din il-kariga, il-poplu ngħata triq biex tqarrbu lejn l-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li “fraħna lill-Imħallef Emeritu Toni Abela bħala l-ewwel Kummissarju tal-Istandards tal-Ġudikatura. Fiduċjuż li kif mexa bħala Imħallef se jagħmel il-ġid anki f’din il-kariga l-ġdida li beda jokkupa.
“Kariga li ħloqna frott bidla Kostituzzjonali oħra li ġibna aħna favur standards ogħla fil-qasam tal-ġustizzja,” tenna l-Prim Ministru.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Dr Jonathan Attard, iddeskriva din il-ħatra bħala ġrajja importanti għall-ġustizzja f’Malta u pass ieħor fil-proċess kontinwu ta’ żvilupp kostituzzjonali.
“Il-ħatra tal-Imħallef Abela f’dan l-irwol se tagħti lin-nies vuċi aktar b’saħħitha fil-ġustizzja. Iċ-ċittadin aggravat qed jingħata rimedju ġdid, dirett, indipendenti biex ikun assigurat li l-qrati jaqdu l-funzjoni tagħhom b’integrità u responsabbiltà” saħaq il-Ministru Attard. Dan filwaqt li rringrazzja lill-Ġudikatura għall-appoġġ espress fuq il-prinċipji li sawru dan l-iżvilupp, li kien approvat mill-Parlament wara li kienet tressqet mozzjoni ta’ proċedura.

