Monday, November 4, 2024

“L-Imħallef ħassar il-konċessjoni kienet biss li fil-fehma tiegħu l-konċessjonarji ma wettqux dak mistenni minnhom”

Jerġa’ jitkellem l-eks Prim Ministru Joseph Muscat dwar is-sentenza tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili

Aqra wkoll

Hekk kif il-ġurnata tal-lum kompliet tiddomina l-istorja dwar is-sentenza mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fejn ordnat li għandha titħassar u tkun annullata l-konċessjoni tat-tliet sptarijiet, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat f’messaġġ li tella’ fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook ftit tal-ħin ilu qal fost l-oħrajn li “l-Imħallef ħassar il-konċessjoni kienet biss li fil-fehma tiegħu l-konċessjonarji ma wettqux dak mistenni minnhom”

L-eks Prim Ministru qal li l-fatt li l-konċessjoni tal-isptarijiet ġiet diskussa u ttieħdu deċiżjonijiet dwarha numru ta’ drabi fil-Kabinett mhux xi ħaġa ġdida. Dan il-fatt huwa inkluż f’tabella li tinsab fir-Rapport tal-Awditur Ġenerali u li l-Qorti għamlet tagħha.

Muscat sostna li ma hemm l-ebda kuntradizzjoni bejn dak li qal id-Deputat Prim Ministru u dak li għidt jien.

Hu kompla jgħid li l-Kabinett minn dejjem għandu sistema stabbilita ta’ skrutinju legali tad-deċiżjonijiet li jittieħdu.

Meta ġie biex jikkummenta dwaru stess Dr Muscat qal li “jiena personalment nissemma fis-sentenza darbtejn. L-ewwel fejn jingħata rendikont tax-xhieda tiegħi, li dwarha l-Imħallef ma sabx kummenti kuntrarji x’jagħmel. It-tieni fejn l-Imħallef jikkwota parti minn din ix-xhieda fejn għidt li l-konċessjonarji ma kienux wettqu dak kollu mistenni minnhom.”

L-eks Prim Ministru qal li f’din is-sentenza referenzi dwar fordi huma fil-konfront ta’ terzi u mhux fil-konfront tiegħu jew tal-Gvern. Barra minn hekk ma hemmx referenza għal korruzzjoni.

Muscat reġa’ nsista li hu lest li jilqa’ kull tip ta’ skrutinju ulterjuri li jista’ jkun hemm wara dak li sar mill-Awditur Ġenerali u mill-Qorti.

Sport