Sunday, December 14, 2025

L-Imħallef Scerri Herrera Tirrappreżenta lil Malta fil-Finali THEMIS 2025 fil-Lussemburgu

Aqra wkoll

Parti minn panel li għażel l-aħjar tim ta’ ġudikanti mħarrġa fuq livell Ewropew

Il-ġudikatura Maltija kompliet tikkonferma l-preżenza tagħha fuq livell Ewropew permezz tal-parteċipazzjoni tal-Imħallef Onor. Consuelo Scerri Herrera fil-finali prestiġjuża tal-kompetizzjoni THEMIS 2025, li saret fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (CJEU) fil-Lussemburgu. 

Din il-kompetizzjoni, organizzata mill-European Judicial Training Network (EJTN), tiġbor flimkien l-aqwa ġudikanti trainees minn madwar l-Ewropa biex jikkontestaw f’format li jsaħħaħ l-għarfien fil-liġi tal-Unjoni Ewropea u d-drittijiet fundamentali.

L-Imħallef Scerri Herrera kienet mistiedna bħala membru distint tal-ġurija magħmula minn ħames esperti, fosthom Imħallef tal-CJEU mill-Polonja, Imħallef tal-CJEU mis-Slovakkja, Imħallef Olandiż, il-President tal-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), u l-Imħallef Maltija.

Il-ġurija kellha l-missjoni li tevalwa t-timijiet fuq il-kapaċità tagħhom li janalizzaw, jippreżentaw u jiddefendu argumenti legali kumplessi fuq it-tema “Protezzjoni Ġudizzjarja fl-Unjoni Ewropea.” Din il-finali laħqet il-qofol ta’ proċess kompetittiv li jippromwovi l-eċċellenza u l-kollaborazzjoni fil-ġudikatura Ewropea.

Il-kompetizzjoni THEMIS mhijiex biss sfida intellettwali iżda pjattaforma ta’ tagħlim u skambju ta’ ideat bejn ġudikanti trainees li se jkunu l-Imħallfin u l-Prosekuturi tal-futur. 

Il-proċess jinvolvi timijiet ta’ tliet trainees li jippreparaw dokumenti bil-miktub u jagħmlu preżentazzjonijiet orali quddiem ġurija ffurmata minn esperti. Fl-2025 saru erba’ semi-finali madwar l-Ewropa, li koprew oqsma bħal-liġi kriminali proċedurali, il-liġi tal-familja, il-liġi ċivili proċedurali u l-etika ġudizzjarja. It-timijiet rebbieħa minn dawn is-semi-finali avvanzaw għall-finali fil-Lussemburgu.

Malta kellha rwol attiv f’din il-kompetizzjoni permezz tal-Kumitat għall-Istudji Ġudizzjarji ta’ Malta, li huwa responsabbli għat-taħriġ u l-iżvilupp professjonali tal-ġudikatura fil-pajjiż. Dan il-Kumitat organizza s-semi-finali li saru f’Malta f’Mejju li għadda, li ffukaw fuq il-Liġi Kriminali Proċedurali Ewropea u dik tal-UE. Din il-kompetizzjoni laqqgħet trainees minn diversi pajjiżi u esponiet l-impenn ta’ Malta biex tippromwovi l-eċċellenza fis-settur tal-ġustizzja u d-djalogu fuq standards legali Ewropej. Din l-inizjattiva turi kif Malta mhux biss tipparteċipa iżda tikkontribwixxi b’mod attiv għall-iżvilupp tal-ġustizzja Ewropea. 

Il-preżenza tal-Imħallef Scerri Herrera fil-finali tikkonferma l-kontribut kontinwu ta’ Malta fil-kooperazzjoni ġudizzjarja Ewropea. Dan jirrifletti mhux biss il-kompetenza tagħha, iżda wkoll ir-rispett li pajjiżna jgawdi fil-komunità ġudizzjarja tal-UE, u juri kif Malta, permezz tal-Kumitat għall-Istudji Ġudizzjarji u l-appoġġ istituzzjonali tagħha qed tkompli tħejji ġudikatura b’saħħitha u kompetenti għall-futur.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport