Thursday, January 22, 2026

L-immigrant: Għaliex jaħrab? Xi jkun qiegħed ifittex? …tifhimhom meta tisma’ l-istorja

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ma nafx għaliex taqbeż għalihom? Imtlejna ta. Kullimkien bihom. Mela aħna nifilħu iżjed? U oħra inti taf humiex kriminali dawn? Għaliex ħarbu minn pajjiżhom? Għaliex ħarbu mit-Tuneżija jew il-Libja”. Jieqaf ftit. Iħares lejja b’ħarsa ta’ diżappunt aktar milli ta’ rabja. “Jgħidu li qegħdin jaħarbu l-gwerer. Fl-Afrika m’hemm ebda gwerra. Semmili fejn hemm gwerra? 

Jien bi tnejn naf gwerer tal-Ukrajna u ta’ Gaża. Għalfejn tibqa’ issemmihom? Parassiti dawk. Ħadd m’għadu jsemmihom. Ħadd ma jrid jaf bihom”. Miegħu ingħaqdu tnejn oħra. Resqet mara u b’ton jgħajjat qaltli li tibża’ toħroġ barra bil-lejl. “Jien għalija jaqbdu u jitfgħuhom kollha lbarra.” F’ħanut mimli nies jieħdu l-kafe u l-pastizzi, id-diskors malajr waqa’ fuq l-immigranti.  L-argument kien idur, li fl-Afrika hemm il-paċi. Gwerer m’hemmx.

Meta tisma’ dan tifhem, kemm daħal l-argument populist li fil-pajjiżi minn fejn jiġu l-immigranti bla dokumenti m’hemmx gwerer. Hemm il-paċi. Rajna per eżempju kif meta waqa’ l-President Assad fis-Sirja ħafna bdew imexxu l-argument li dawk li ħarbu fil-gwerra għandhom jintbagħtu lura, qisu kien hemm xi bakketta maġika u kollox tranġa u seħħet il-paċi.  

Ejja ngħiduha kif inhi l-perċezzjonijiet, l-isterjotipi u r-razziżmu fostna qegħdin dejjem jiżdiedu.  B’movimenti populisti irewwħu b’mod kontinwu u b’mod aggressiv, u b’min suppost jara li jiġġieled dan  jibqa’ litteralment sieket u jipprova ineħħi minn fuq l-aġenda l-kriżi tal-immigrazzjoni fil-Mediterran, mhix sorpriża li ssib min jaffrontak b’dan il-mod. Għax deffsuha f’moħħ il-poplu, li l-immigranti jaħarbu minn pajjiżhom għax m’hemmx paċi. U l-poplu jifhem li m’hemmx paċi tfisser gwerra. Suldati jisparaw kontra oħrajn. Tankijiet u missili. Bini mġarraf.

F’31 sena ġurnaliżmu, tkellimt u intervistajt ħafna immigranti. Kulħadd bi storja differenti. Tifhem ir-realtajiet. Tifhem li dik il-‘paċi’ li jkunu qegħdin ifittxu, li ħafna drabi nirreferu għaliha bħala ‘it-tama għal ħajja aħjar’, hi paċi oħra u li tmur lil hinn mid-definizzjoni simplistika li għandna f’moħħna ħafna minnha u li nassoċċjawha biss ma’ kunflitti militari u bl-armi.   Għalihom il-paċi tfisser ġustizzja. Sigurtà.  Li jieħdu d-dinjità tagħhom lura. Li jgħixu ħajjithom.   Il-libertà u l-ħelsien.     

Imma x’inhi l-paċi?

Fuq il-paċi u x’inhi eżatt kien tkellem b’mod ċar ħafna il-Papa Pawlu VI f’Diċembru tas-sena 1968.  Definizzjoni li llum ninjorawha għax hekk hemm min jaqbillu. Jekk taqbad id-definizzjoni tiegħu u tpoġġiha f’ħajjet l-immigranti li jaħarbu, tifhem bla dewmien, għaliex il-ħarba. Għaliex dik il-perseveranza biex tagħmel il-vjaġġ. Biex tissogra ħajtek fuq il-baħar fuq biċċa qoxra. Li tafda lilek innifsek, kollok kemm int, f’idejn nies li ma tafhomx biex iqabbduk it-triq  bir-riskji kollha u l-abbużi li dan iġib miegħu. Jagħmluha għax ma jkunux qed jaraw ebda alternattiva oħra fejn ikunu qegħdin jgħixu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport