Il-Papa Franġisku huwa t-tielet Papa li ġie f’pajjiżna wara ż-żjarat mill-Papa Ġwanni Pawlu II fl-1990 u fl-2001 għall-beatifikazzjoni ta’ Dun Ġorġ Preca; u dik mill-Papa Benedittu fl-2010 li kien ġie proprju fi żmien il-quċċata tal-kontroversji li qamu dwar l-iskandlu ta’ abbuż sesswali mill-membri tal-Kleru.
Iż-żjara ta’ jumejn fostna tal-Pontefiċe saret wara l-elezzjoni fuq xewqa tal-Vatikan stess fejn spjegaw li jkun aħjar biex ikun evitat kull tip ta’ influwenza politika. Il-Papa Franġisku wasal il-bieraħ is-Sibt fejn żar il-Belt Valletta u mar f’Ta’ Pinu, Għawdex. Illum il-Ħadd, il-programm uffiċjali jinkludi żjara fil-Bażilika ta’ San Pawl fir-Rabat, segwita minn quddiesa fil-Floriana. Qabel jitlaq minn pajjiżna llum stess, il-Papa mistenni jżur lill-immigranti f’Ħal Far. Din iż-żjara fil-Laboratorju tal-Paċi għall-Immigranti hija waħda importanti għal dan il-Papa minħabba li għandu għal qalbu ħafna lil dawn il-persuni vulnerabbli.
Fil-fatt, it-tema taż-żjara tal-Papa Franġisku 2022 f’Malta imħabbra mill-midja tal-Vatikan hija propjru “They Showed Us Unusual Kindess” (urewna qalb tajba mhux tas-soltu). L-għan ta’ din it-tema huwa li jkun hemm għarfien u azzjoni għall-karba ta’ dawk l-immigranti li jivvjaġġaw fil-Mediterran biex jiġu fl-Ewropa. Fl-istess ħin il-preżenza tas-Santità Tiegħu fostna mistennija tkun ukoll sors ta’ inkoraġġiment għal evanġelizzazzjoni ġdida fin-nazzjon tagħna.
Il-Papa Franġisku appella diversi drabi għall-umanità fejn jidħlu l-immigranti, inklużi dawk riċenti mill-Ukrajna. Tul il-missjoni pubblika tiegħu, dan il-Papa sar magħruf għall-umiltà tiegħu; l-enfasi li jagħmel fuq il-ħniena t’Alla; u t-tħassib sinċier tiegħu lejn il-fqar, inklużi ċ-ċittadini li għal xi raġuni jew oħra joħorġu minn pajjiżhom u jsibu refuġju f’pajjiż ieħor.
Pajjiżna huwa gżira f’nofs il-Mediterran u ta’ spiss, jekk mhux kuljum, ikun hemm laneċ u/jew vapuri mimlija immigranti li jipperikolaw ħajjithom bejn sema u baħar biex isibu ħajja aħjar jew f’pajjiżna jew f’ieħor.
L-imwiet li naraw u nisimgħu bihom fost dan l-immigranti ddisprati, żgur li sema’ bihom ukoll il-Papa Franġisku u ż-żjara tiegħu f’Malta, żgur li għandha sinjifikat u għan partikolari – dak li bħala poplu nifħu aktar qalbna u jdejn ħalli nilqgħu, ngħinu u naċċettaw lil dawn l-immigranti vulnerabbli fil-bżonn.