Saturday, November 23, 2024

L-immigranti jiddaħħlu Malta wara kommossjoni li pperikolat ħajjet l-ekwipaġġ

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ritratt: Alan Saliba

Fi stqarrija maħruġa mill-gvern ta’ Malta ntqal li wara kważi erbgħin jum fuq il-baħar, ittieħdet id-deċiżjoni li jiddaħħlu f’Malta l-immigranti li kienu qed jinżammu barra t-territorju Malti. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li s-sitwazzjoni fuq dawn il-vapuri saret diffiċli ħafna u qamet kommossjoni.  

Il-Gvern mhux lest li jipperikola ħajjet l-ekwipaġġ u l-persuni inkluż Maltin li qed jaħdmu ma’ dawn l-immigranti minħabba n-nuqqas t’azzjoni u solidarjetà tal-Membri Stati l-oħra sabiex dawn l-immigranti jitqassmu f’pajjiżi differenti tal-Unjoni Ewropea. 

Il-Gvern Malti għadu għaddej b’negozjati intensivi għar-rilokazzjoni. B’iktar importanza l-proċess tal-applikazzjoni tal-ażil ser jiġi aċċellerat fil-każ ta’ dawk l-immigranti li ġejjin minn pajjiżi meqjusa siguri. F’dawk il-każi fejn it-talba għal ażil ma tintlaqax, dik il-persuna tiġi rritornata lejn pajjiżu wara ftit ġranet.

Dan il-każ ikkonferma li, filwaqt li Malta żammet soda għalkemm thalliet waħedha, kważi ħadd fl-Ewropa ma jrid lill-immigranti, minkejja l-ħafna diskors dwar solidarjetà. 

B’hekk, filwaqt li pajjiżna baqa’ jonora l-obbligi internazzjonali tiegħu, illum hu riżolut iktar minn qatt qabel li jaħdem mal-Libja għaliex ma’ dan il-pajjiż tista’ tinstab soluzzjoni effettiva u konkreta kontra t-traffikanti tal-bnedmin. 

Din id-deċiżjoni setgħet tittieħed ukoll għax b’kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet Maltin u Libjani, fl-aħħar ġimgħat inġabru madwar 1,500 immigrant mill-gwardja tal-kosta Libjana, li faċilment setgħu spiċċaw f’Malta.

Qabel: Patrol boat tal-AFM teskorta l-Europa 2 … L-ebda konferma ta’ x’se jiġri mill-vapur

Il-vapur li qed iġorr l-immigranti u li sa minn sigħat ilu ġie rrapurtat li kien se jiddaħħal pajjiżna fis-sigħat li ġejjin, għadha qed tiġi eskortata minn patrol boat tal-AFM.

Aktar kmieni rapporti fil-midja lokali kienu jgħidu li l-immigranti fuq il-vapur kienu pprotestaw u ħadu l-kontroll ta’ partijiet mill-vapur u l-ekwipaġġ kellu jsejjaħ għall-assistenza tal-AFM li bdiet tħares mill-viċin l-andament tas-sitwazzjoni abbord l-imsemmi vapur.

Minkejja spekulazzjonijiet, l-AFM għadha ma ħarġitx stqarrija bil-pożizzjoni tagħha u x’se jkun qed jiġri mill-Europa 2.

L-Europa 2 huwa wieħed mill-erba’ vapuri li qed iżommu ‘l barra minn xtutna ’l fuq minn 400 immigrant.

Sport