Għadd ta’ voluntieri u attivisti għad-drittijiet umani b’mod partikolari dawk li jaħdmu mill-qrib mal-immigranti qed jistennew b’ħerqa iż-żjara li l-Papa Franġisku se jibda proprju llum f’Ċipru u wara f’Ateni. Huma qegħdin jistennew dikjarazzjonijiet qawwija mill-Papa Franġisku dwar l-immigrazzjoni, fejn anke se jkun qed iżur il-gżira ta’ Lesbos fil-Greċja li fuqha qed jinżamm eluf ta’ immigranti li kienu qasmu mit-Turkija lejn il-Greċja.
Voluntier li tkellem ma’ Talk.mt qalilna li “qed nistennew li l-Papa jitkellem b’mod ċar dwar it-tbatija tal-immigranti fiċ-ċentri ta’ detenzjoni. M’għandux wieħed jitqarraq u jaħseb li l-messaġġ se jkun biss għall-Greċja. Dan hu messaġġ li jgħodd għal kullimkien. Qegħdin ngħixu fi żmien fejn l-empatija lejn l-immigranti u lejn ir-refuġjati qed tonqos. Qed naraw l-imwiet fil-Mediterran ta’ dawk li jkunu qed jaqsmu għal ħajja aħjar. Rajna x’qed jiġri fil-fruntiera bejn il-Belarus u l-Polonja. Qed naraw ukoll l-imwiet fil-fliegu bejn l-Ingilterra u Franza. It-tama hi waħda – dik li finalment ikun hemm politika verament umana mal-immigranti. Politika ta’ solidarjetà. Li ma tħalliex tfal u migranti oħra imutu fuq il-fruntieri jew mgħarrqin f’nofs ta’ baħar.”
L-istess voluntier qalilna li “hu fatt li d-detenzjoni fil-Greċja għandha kundizzjonijiet mill-agħar. Anki ċentri oħra għandhom kundizzjonijiet xejn tajbin. Pajjiżi oħra inkluż Spanja, Sqallija u Malta ukoll għandhom ċentri ta’ detenzjoni fejn il-kundizzjonijiet m’humiex tajbin u jridu jitjiebu.” Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżna, l-istess voluntier qalilna li “t-tama tagħna hi li biż-żjara tal-Papa tqum kuxjenza akbar. Nemmen li wasal iż-żmien li ċ-ċentri ta’ detenzjoni ma jibqgħux dawk iċ-ċentri magħluqin li ħadd ma jista’ jidħol fihom u prattikament rari tkun taf x’qed jiġri. Nemmen li għandu jkun hemm monitoraġġ indipendenti ta’ dawn l-istess faċilitajiet. B’hekk niżguraw li nibdew intejbu id-dinjità umana f’dawn l-istess ċentri”.
Il-Papa se jkun qed jibda iż-żjara tiegħu llum 2 ta’ Diċembru u tintemm fis-6 ta’ Diċembru. Se jkun qed jagħmel jumejn fil-kapitali ta’ Ċipru Nicosia u warra jmur f’Ateni. Fil-Greċja se jkun qed iżur il-gżira ta’ Lesbos, u din se tkun it-tieni żjara tiegħu wara li kien mar hemm fis-sena 2016. Dakinhar b’mod sorprendenti għall-aħħar, hu kien ħa miegħu lejn Ruma għadd ta’ immigranti Sirjani li kienu jħaddnu ir-reliġjon Musulmana.
Il-Papa fl-aħħar jiem tkellem ukoll diversi drabi dwar l-immigrazzjoni u f’messaġġ lill-popli tal-Greċja u Ċipru hu spjega li “l-ħsibijiet tiegħu huma ma’ dawk li fl-aħħar snin u anke riċentament, ħarbu minn żoni ta’ kunflitti u gwerer u niżlu fi xtajtiet Griegi, Ċiprijotti u żoni oħra. Dawn ma sabux l-ospitalità li xtaqu imma sabu ostilità u esplojtazzjoni”.
Fil-messaġġ tiegħu l-Papa Franġisku qal li “dawn in-nies huma ħutna. Kemm minnhom tilfu ħajjithom fil-Mediterrran! Illum il-baħar tagħna, il-baħar Mediterran sar ċimiterju kbir.”
Tenna li “jien inħoss il-weġgħa għall-aħbarijiet li jsibu ruħhom fihom l-immigranti bħal dawk li għerqu fil-fliegu Ingliż, dawk fil-fruntiera tal-Belarus li ħafna minnhom huma tfal u dawk li jmutu fil-Mediterran.” Hu ma naqasx li jinnota li ħafna nisa jispiċċaw jinbiegħu, u irġiel jispiċċaw ittorturati mit-traffikanti.
Hu għamel appell lil dawk li jistgħu jikkontribwixxu biex jissolvew dawn il-problemi b’mod partikolari l-awtoritajiet ċivili u militari. Hu appell għal soluzzjonijiet li jirrispettaw id-dinjità umana.
Wieħed irid jirrimarka li ż-żjara tal-Papa f’Ċipru qed issir fi żmien meta dan il-pajjiż hemm vuċijiet li qed isejħu biex dan jagħlaq il-fruntiera.
Is-sitwazzjoni f’Malta
Tajjeb li wieħed jgħid li dwar is-sitwazzjoni tad-detenzjoni f’Malta kienet tkellmet i-Kummissarju tal-Kunsill ta-Ewropa għad-Drittijiet Umani, Dunja Mijatovic. Hi kienet sejħet lill-awtoritajiet Maltin biex jieħdu azzjoni immedjata biex itejbu l-kundizzjonijiet fid-detenzjoni u jevitaw li ħajjiet umana ikunu perikolati meta jkunu fuq il-baħar. Wieħed irid ifakkar fil-każ fejn 32 immigrant li kienu detenuti f’nofs ta’ baħar ‘lbarra min Malta fis-sena 2020 fetħu kawża kostituzzjonali kontra l-Gvern Malti għal ksur ta’ drittijiet umani. Il-Kummissarju kienet żaret iċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi u waqt li rat sinjali ta’ titjib, hi kienet tkellmet dwar is-sitwazzjoni deplorabbli fi Blokka A fiċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi. Hi kienet sejħet lill-awtoritajiet Maltin biex jieħdu azzjoni immedjata.