Saturday, December 21, 2024

L-immigrazzjoni irregolari fid-dawl tal-kriżi tal-pandemija tal-Covid-19

Aqra wkoll

Miktub minn Malcolm Paul Galea

Għal dawn l-aħħar jiem segwejt bir-reqqa s-sitwazzjoni preżenti rigward l-immigrazzjoni rregolari f’pajjiżna filwaqt li qegħdin nesperjenzaw l-kriżi tal-COVID 19. 

Bħala bniedem, tabib u soċjalist, ma nagħmilx distinzjoni minn bniedem għal ieħor skond razztu jew twemminu. Dak hu prinċipju bażiku. Għalhekk kull kumment xprunat minn mentalita razzista, jien niddeplorah. Lanqas ma naqbel mal-attentat ta’ qtil tal-karattri ta’ persuni li huma l-ilħna tal-emarġinati. Għandna dritt ma naqblux però ma nista qatt nittolera kwalunkwe attentat sabiex wieħed irażżan kelmet ħaddieħor. 

Ir-risposta xotta xotta tal-Unjoni Ewropeja xejn ma kienet konvinċenti għalija. Fi ftit kliem tħallejna naqdfu għal rasna! 

Proprju għalhekk naħseb li huwa riskju kbir li pajjiżna, fil-limitazzjonijiet kbar tiegħu u mingħajr xi forma t’għajnuna, jaċċetta iktar persuni ġewwa l-pajjiż! Ma nistgħux nissugraw li nkomplu nkabbru l-popolazzjoni ta’ pajjiżna u noħolqu pressjoni fuq il-qasam tal-kura tas-saħħa! Bħala ħaddiema fil-kura tas-saħħa aħna ma nagħmlux distinzzjoni lil min se nikkuraw. Għalina kullħadd l-istess! Però jekk ikollna riżorsi limitati, mirakli ma jistgħux isiru, u għalhekk jaf jasal mument ikrah immens li ma tkunx tista tipprovdi kura għax ir-riżorsi ma jippermettux! Intortament inkunu fallejna.

Il-limitazzjonijiet tar-riżorsi tagħna nafu x’inhuma. Anzi ġebbidnihom kemm flaħna sabiex nilqgħu għal din l-isfida bla preċedent. Naħseb li r-riżultati s’issa jitkellmu waħedhom. 

Grazzi lil sħabi kollha fil-qasam tas-saħħa, ibda minn min qed imexxi u nibqa sejjer b’kullħadd. Grazzi lil forzi kollha tal-ordni wkoll, kura tas-saħħa f’sistema mhux ordnata ma tista qatt tkun effettiva, tajba kemm hi tajba.

Ekonomija

Sport