Thursday, May 16, 2024

“L-immudellar għenni naċċetta iktar lili nnifsi” 

Aqra wkoll

Victoria Sciberras – kantanta u mudella pjuttost żagħżugħa li saħħret lil kulħadd waqt l-aħħar edizzjoni ta’ Mużika Mużika. Bdiet titgħallem tkanta ta’ 12-il sena, u minn dakinhar ‘l hawn qatt ma ħarset lura!

Iżda kif bdiet l-imħabba ta’ Victora lejn il-mużika u l-kant? 

L-imħabba tiegħi bdiet minn meta kont għadni żgħira. L-hena tiegħi dejjem nisma’ u niżfen mad-diski peró qatt ma ħsibt li kont se nimraħ biex insir kantanta u għalhekk proprju bdejt immur nitgħallem inkanta meta kelli 12-il sena, u minn dakinhar ‘l hawn qatt ma ħarist lura! 

Tlabna lil Victoria tiddeskrivi l-esperjenza tagħħa f’Mużika Mużika

L-esperjenza tiegħi f’Mużika Mużika kienet waħda indimentikabbli. Kienet esperjenza ġdida għalija għaliex kienet l-ewwel darba tiegħi li kont qed nieħu sehem f’xi ħaġa daqshekk prestiġjuża. Għamilt ħafna ħbieb ġodda u tgħallimt ħafna wkoll. Hija esperjenza li mhu se ninsa qatt tul ħajti kollha! 

Għalkemm il-kantanti kienu qed jikkompetu kontra xulxin bħala kantanti, deher li kien hemm għaqda kbira bejniethom. 

Victoria tikkonferma dan?

Iva, kien hemm għaqda kbira bejnietna. Dejjem konna ngħinu lil xulxin f’kull sitwazzjoni u dejjem tajna s-sapport u l-kuraġġ qabel ma nitilgħu nkantaw fuq il-palk.

Tlabna lil Victoria jekk ikollha terġa’ tieħu sehem f’Mużika Mużika, tiħux sehem?

Jekk tigini l-opportunita’ li nerġa’ nidħol, żgur mhux se ngħid Le, għaliex huwa pjattaforma tajba għat-talent lokali. 

Victoria hija wkoll mudella…

Fis-sena 2020 kont waħda mill-finalisti ta’ Miss World Malta, fejn kienet l-ewwel esperjenza tiegħi fix-xena tas-sbuħija u kklassifikajt mal-ewwel ħamsa. 

Skont Victoria, kemm jgħinha l-immudellar biex titla’ fuq il-palk tkanta b’kunfidenza?

Sfortunatament, ħafna nies jaħsbu li l-immudellar huwa biss pjattaforma biex turi l-libsa eleganti u d-dehra fiżika tiegħek, peró l-immudellar jgħinek ħafna biex ittejjeb l-istima tiegħek innifsek. Ngħid il-verità, jiena persuna mistħija, però l-immudellar għenni naċċetta iktar lili nnifsi u b’hekk inħossni iktar kunfidenti fuq il-palk.  

Victoria, taħseb li fil-futur tkun tista’ taħdem esklussivament bħala kantanta? U kemm hu diffiċli li tagħmel dan f’Malta? 

Inħoss li ġewwa Malta hija diffiċli mmens biex ix-xogħol tiegħi fil-futur ikun esklussivament ta’ kantanta. Dan għaliex m’hawnx opportunitajiet biżżejjed fejn l-artisti Maltin jistghu juru t-talenti tagħhom, kif ukoll mhuwiex apprezzat biżżejjed biex jiġi meqjus bħala xogħol ‘full time’. 

U kif jirnexxielha tlaħħaq max-xogħol u mal-immudellar u l-kant? 

Ngħid il-veritá, tkun daqsxejn difficli biex inlaħħaq ma’ kollox għaliex il-ħajja saret mgħaġġla wisq. Peró, l-aktar ħaġa li sibt tajba hi li dejjem nagħmel ‘time-table’ u fiha nqassam l-affarijiet li nkun irrid nagħmel – b’hekk nagħmel kollox u ma ninsa xejn. 

Ġieli għadditielha minn rasha li tmur tgħix barra minn Malta sabiex ikollha iktar opportunitajiet? 

Iva, kemm-il darba għaddietli minn ġo rasi li nerħilha lejn pajjiż iehor biex inkun nista’ nuri iktar t-talent tiegħi għaliex barra minn Malta hemm iktar opportunitajiet u l-artist jiġi apprezzat iktar. 

Victoria, beħsiebha tniedi xi singles jew saħansitra album fil-futur? 

Ix-xewqa tiegħi għal din is-sena hija li noħroġ single fuq kitba tiegħi, kif ukoll iktar ‘il quddiem album b’taħlita ta’ kanzunetti bl-Ingliż kif ukoll bil-lingwa tagħna, Maltija. 

Tlabna lil Victoria Sciberras kif qed tħares lejn il-futur tagħha… 

Il-futur huwa li nkompli nitgħallem u nsaħħaħ il-vuċi tiegħi, nikteb iktar kanzunetti kif ukoll nieħu sehem f’xi kompetizzjonijiet lokali u forsi tiġi xi opportunitá li nkun nista’ mmur barra minn xtutna. 

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Victoria, xtaqet tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li bħalha jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-kant u l-mużika.

Messaġġ qasir mingħandi huwa li t-triq hija waħda twila u fiha ssib ħafna ntoppi, peró wieħed qatt m’għandu jaqta’ qalbu għax fl-aħħar wara ħafna tbatija u sagrifiċċju, il-frott li tkun ħdimt għalih dejjem jirrenja!

Sport