Il-migrazzjoni għandha l-impatti tagħha fuq il-pajjiż tad-destinazzjoni, f’dan il-każ il-gżira tagħna, Malta, kemm dawk pożittivi kif ukoll negattivi, li ta’ spiss jagħmlu aktar ħoss.
Fosthom insemmu d-diversità kulturali. Id-diversità li tgħin lill-kulturi u t-tradizzjonijiet itaffu mill-ħakma fuq ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni fost oħrajn. Id-diversità li tgħin ukoll lin-nies jitgħallmu dwar modi oħra ta’ ħajja u dak li jiġri f’postijiet oħra fid-dinja. Hija twassal il-varjetà fil-pajjiż u tgħinna napprezzaw l-umanità u d-drittijiet tal-bniedem in ġenerali b’mod aħjar.
Fil-każ ta’ pajjiżna, punt ieħor interessanti dwar l-immigranti f’pajjiżna huwa l-fatt li r-rata ta’ twelid hawn Malta hija ta’ 1.1 u biex soċjetà tiġġenera ruħha għandha bżonn rata ta’ 2.2, li jfisser li kieku ma hawnx barranin f’pajjiżna, kieku l-ekonomija ma tibqax tikber minħabba li ma jsirx investiment kif ukoll is-soċjetà tagħna tibda tispiċċa. Popolazzjoni dejjem tikber u b’saħħitha tipprovdi s-suq meħtieġ għat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp.
Iżda bħal kull ħaġa oħra fid-dinja, il-barranin f’pajjiżna qed iwasslu wkoll għal numru ta’ żvantaġġi. Fosthom insemmu l-ħaddiema barranin li spiss joħolqu sitwazzjonijiet problematiċi fuq il-post tax-xogħol, kawża tan-nuqqas ta’ għarfien tal-lingwa Maltija. Hekk kif mhux kull Malti, speċjalment dawk anzjani, jafu jitkellmu b’lingwa barranija. Qed nisimgħu spiss b’anzjani fi djar tal-anzjani jew l-isptar fost oħrajn li ma jsibu diffikultà jikkomunikaw mal-ħaddiema barranin kawża ta’ din ir-raġuni.
Anke s-saħħa, l-edukazzjoni, l-infrastruttura u ħafna faċilitajiet oħra qegħdin narawhom ibatu mill-pressjoni ta’ użu eċċessiv minn aktar nies milli kien maħsub u dawn is-sitwazzjonijiet qegħdin jikkawżaw tbatija fuq kollox u fuq kulħadd. Anke l-ħlas tal-kera tal-postijiet għola ħafna minħabba n-numru għoli ta’ barranin jikru u kawża t’hekk koppji Maltin mhux qed ikunu jaffordjaw jikru.
Mill-banda l-oħra ma nistgħux ma nsemmux l-abbużi li naraw iseħħu spiss fuq il-barranin f’pajjiżna, speċjalment fuq il-ħaddiema li jieħdu vantaġġ minnhom, speċjalment minn dawk bla sengħa, fejn fosthom jagħtuhom pagi mill-aktar baxxi. Saħansitra anke l-immigranti tas-sengħa ħafna drabi jaċċettaw li jagħtu s-servizzi tagħhom għal salarju baxx.
Nappellaw għal infurzar strett għal tolleranza żero lejn il-persuni li jħaddmu ħaddiema barranin b’mod abbużiv li jinkludu anke prattiċi ta’ skjavitù.