Il-gwerra mal-Iran qed tkompli tikkawża kaos fl-avjazzjoni ċivili fil-Lvant Nofsani u lil hinn minnha hekk kif xi wħud mill-aktar ajruporti traffikużi fid-dinja qed jippruvaw jimmaniġġjaw il-konsegwenzi tal-għeluq tal-ispazju tal-ajru, b’numru limitat biss ta’ titjiriet jitilqu mir-reġjun.
L-Istati Uniti fil-fatt qed twissi liċ-ċittadini tagħha biex jitilqu mir-reġjun u jużaw l-ivvjaġġar kummerċjali li għadu disponibbli. Dan minkejja li kuritur wiesa’ ta’ spazju tal-ajru fuq il-Lvant Nofsani baqa’ magħluq wara li nhar it-Tlieta pajjiżi ġirien tal-Iran irrestrinġew it-titjiriet lejn u barra mir-reġjun.
Xi titjiriet irnexxielhom jitilqu minn ajruporti fi stati tal-Golf Persjan li huma favur l-Istati Uniti, inklużi l-bliet tal-Emirati Għarab Magħquda, Dubai u Abu Dhabi, iżda s-sitwazzjoni għadha fluwida u l-vjaġġaturi qed jiġu mħeġġa jimmonitorjaw is-sistemi ta’ twissija tal-gvern u jiċċekkjaw mal-linji tal-ajru tagħhom.
Attakki ġodda mill-Iran fuq l-Arabja Sawdija nhar it-Tnejn filgħaxija żiedu mas-sitwazzjoni kkumplikata li qed tiżviluppa għall-vjaġġaturi maqbudin fir-reġjun. Is-smewwiet fuq l-UAE, il-Qatar, il-Kuwajt, l-Iżrael, il-Bahrain, l-Iraq u l-Ġordan baqgħu kważi vojta nhar it-Tlieta filgħodu.
Il-Lvant Nofsani huwa l-bażi ta’ diversi linji tal-ajru ewlenin, inklużi Emirates u Etihad f’Dubai u Abu Dhabi, u Qatar Airways, ibbażati fil-kapitali tal-Qatar, Doha.
L-impatt infirex ferm lil hinn mil-Lvant Nofsani. Dawn it-tliet bliet huma ċentri globali ewlenin, b’miljuni ta’ passiġġieri jgħaddu minnhom kull sena.
L-għeluq tal-ispazji tal-ajru fir-reġjun tal-Golf Għarbi wassal biex jitħassru wkoll xi titjiriet skedati minn Malta lejn Dubaj, b’waqfa f’Ċipru, tant li bħalissa hemm ajruplani tal-Emirates ipparkjati fl-ajruport.
Sadanittant, f’kumment ma’ dan il-ġurnal, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg qal li 215-il persuna talbu l-assistenza tal-Ministeru, b’169 minnhom jinsabu fl-Emirati Għarab Magħquda.
“Qed nikkordinaw kemm mal-pajjiżi Ewropej, mal-awtoritajiet lokali kif ukoll mal-linji tal-ajru biex fl-ewwel opportunità niżguraw li dawn jirritornaw lejn pajjiżna. Rajna li anke l-pajjiżi li qed jospitawhom ikomplu jagħtu l-akkomodazzjoni b’xejn fil-ġranet li ġejjin kif ukoll mill-aspett politiku Malta tibqa’ tadvoka l-politika barranija tagħha, newtralità militari, favur id-djalogu, favur li kulħadd jirritorna għad-diskussjonijiet anke b’rispett lejn is-saltna tad-dritt u l-liġijiet internazzjonali.
“Napprezzaw kemm din il-politika tiswa tajjeb lil pajjiżna. Solidarjetà ma’ Ċipru li għandha preżenza ta’ bażijiet militari u allura l-attakki li esperjenzat. Se nkomplu naġġornaw lill-poplu Malti u Għawdxi bl-aħħar żviluppi b’mod partikolari nappella lil dawk il-Maltin li għadhom m’għamlux kuntatt magħna sabiex jagħmlu dan fuq il-linja li qed jipprovdi l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin,” tenna d-Deputat Prim Ministru.



