Il-proċess għall-viżjoni ta’ Malta għall-futur, il-Malta Vision 2050, issokta fl-aħħar jiem b’sensiela ta’ diskussjonijiet fil-forma ta’ workshops li servew bħala fonti ta’ ideat u ħsibijiet li tressqu minn għadd ta’ imprendituri u self employed fost oħrajn. Il-workshops kellhom erba’ temi prinċipali: tkabbir ekonomiku dejjem iktar sostenibbli, il-kwalità tal-ħajja, pajjiż li kapaċi jfendi għal rasu u ppjanar bi ħsieb.
Minn dawn it-temi ħarġu diversi proposti rilevanti f’diversi oqsma u anke dwar fejn irridu nieħdu lil pajjiżna fis-snin li ġejjin. Għalhekk nemmnu li huwa importanti li dan il-proċess li mbarka fuqu l-Gvern jibqa’ għaddej, biex il-Malta Vision 2050 tinbena b’mod strutturat u trasparenti. F’dan ir-rigward ukoll, il-kontribut tal-istakeholders kollha f’kull qasam tas-soċjetà tagħna huwa importanti.
Fuq kollox, din il-viżjoni sservi bħala pjan għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-pajjiż, b’attenzjoni fuq l-innovazzjoni diġitali, l-infrastruttura, edukazzjoni, kura tas-saħħa u s-sotenibbiltà. Dan sabiex ikun żgurat kwalità ta’ ħajja aħjar għall-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk futuri.
Nemmnu li biex pajjiżna jkompli jikseb suċċess, jeħtieġ li jkun hemm l-isforzi ta’ kulħadd fosthom anke mill-komunità tan-negozji. Bil-Gvern jemmen fl-irwol importanti tal-imprenditur Malti bħala innovatur, li joħloq ix-xogħol u karrieri ta’ kwalità u katalisti tas-suċċess ekonomiku.
Anke l-kontribut tal-unjins huwa importanti. Ma rridux ninsew kif il-General Workers’ Union kienet u baqgħet tinsisti li l-pajjiż ikollu proċess kontinwu li jrid jitwettaq gradwalment u bi pjan biex jittieħdu ċertu azzjonijiet meħtieġa u nkomplu nilħqu l-kbira tagħna. Fix-xhur li ġejjin irridu nkomplu niffokaw fuq din il-viżjoni u nippjanaw miri speċifiċi li jiġu implimentati pass pass.
Għalhekk, inħarsu ’l quddiem għall-pass li jmiss f’din il-fażi ta’ konsultazzjoni, dak li fl-abbozzar tal-Malta Vision 2050, b’miri intermedjari għal għaxar snin oħra, jittieħdu suġġerimenti li ħarġu minn dawn il-workshops. Il-konsultazzjoni se titkompla bil-għan li kulħadd ikun parteċipi f’dan il-pjan ħolistiku li l-Gvern se jkun qiegħed iwettaq għal pajjiżna.
Dan kollu jitlob impenn minna lkoll biex flimkien inxammru l-kmiem u naħdmu b’ko-ordinazzjoni fil-proċess tal-Viżjoni Malta 2050 biex b’dixxiplina u perseveranza minn kulħadd, bħala nazzjon, inkomplu nevolvu u nadattaw għall-isfidi u l-opportunitajiet għal Malta aħjar, għal uliedna u ulied uliedna.