Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said attendiet għall-preżentazzjoni tal-impjant tal-Fish Residue Automated Processing (FRAP) ġewwa l-Għammieri.
L-impjant FRAP huwa parti mill-proġett BYTHOS Extend, li ġie żviluppat mill-Università ta’ Palermo permezz ta’ programm ta’ fondi Interreg Italia-Malta, parti mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropej. L-impjant ġie Malta fuq stedina tal-Professur Alan Deidun, akkademiku fl-Università ta’ Malta u rappreżentant ta’ pajjiżna fi ħdan il-proġett BYTHOS Extend.
L-impjant FRAP wasal Malta fil-25 t’Ottubru, bħala parti mill-vjaġġ tiegħu minn Sqallija għall-belt ta’ Lipari, bil-għan li jagħmel dimostrazzjonijiet fi ħdan komunitajiet ta’ sajjieda differenti.
Dan l-impjant huwa kapaċi li jistabilizza il-byproduct ta’ speċi differenti ta’ ħut u bram. L-użu ta’ dan il-byproduct għandu potenzjal li jiġi użat f’oqsma oħra, fosthom l-industrija tal-farmaċewtika, liema użu joffri potenzjal għal niċeċ ekonomiċi ġodda.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said iddeskriviet dan il-proġett bħala ċertifikat ieħor tal-potenzjal tax-xjenza u r-riċerka, favur opportunitajiet ekonomiċi ġodda ġewwa r-reġjun tal-Mediterran, inkluż f’pajjiżna.
“Il-proġett BYTHOS Extend diġà qiegħed iħalli l-frott mixtieq. Permezz tal-laboratorju ġdid ġewwa San Luċjan, li kien imniedi grazzi għal dawn il-fondi, qegħdin inkomplu nixprunaw avvanzi differenti. Dawn l-avvanzi qegħdin isaħħu l-effiċjenza ekonomika, u s-sostenibbiltà ambjentali tas-setturi tas-sajd u tal-akwakultura f’pajjiżna. Dan l-impjant tal-FRAP huwa pass ieħor importanti li għandu potenzjal kbir għall-portijiet u komunitajiet żgħar bħal dawk f’pajjiżna. Inħares ’il quddiem sabiex teknoloġija ġdida, bħal dan l-impjant, jiġu introdotti b’mod permanenti f’pajjiżna,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.