L-impjegati ta’ ElectroGas Malta reċentement trasformaw attività ta’ team-building f’inizjattiva ta’ appoġġ billi immontaw roti li ġew mogħtija lil tfal refuġjati Ukreni li jgħixu f’Malta.
Kif dejjem tagħmel il-kumpanija, fejn tagħti tifsira lil kull azzjoni li tieħu, l-attività kienet ferm aktar minn eżerċizzju tipiku li jirrikjedi l-koperazzjoni kollettiva. Il-kollegi ħadmu flimkien, b’kollaborazzjoni għal għan speċifiku, fattur li huwa preżenti fi dmirijiethom fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum, fejn huma dejjem ifittxu l-effiċjenza, l-impatt u r-riżultati. Ir-riżultat ewlieni ta’ din l-attivita’ kien għaxar roti ġodda, li taw sens ta’ libertà, ferħ u tama lit-tfal li esperjenzaw tibdil drastiku fil-ħajja tagħhom.
Jorge Perez, Kap Eżekuttiv ta’ ElectroGas Malta, tenna l-importanza iktar profonda ta’ din l-inizjattiva:
“Din mhijiex sempliċiment attività oħra ta’ team-building. Li ssuq rota jfisser sens ta’ libertà. Permezz ta’ din l-inizjattiva mhux biss qegħdin insaħħu r-relazzjoni tagħna bħala kollegi, iżda qegħdin ukoll nagħtu lil dawn it-tfal simbolu ta’ tama – waħda għal futur fejn jistgħu jimxu ’l quddiem b’ħelsien u b’kunfidenza.”
Rappreżentanti tar-Refuġjati Ukreni f’Malta wkoll esprimew l-apprezzament tagħhom:
“Ngħaddu l-gratitudni sinċiera tagħna lil ElectroGas Malta li appoġġjat iċ-ċentru tar-refuġjati Ukreni f’Malta bid-donazzjoni ta’ għaxar roti kif ukoll vawċers tal-ikel. Il-ġenerożità tagħkom ġabet mhux biss għajnuna prattika iżda wkoll sens profond ta’ tama u solidarjetà. Ir-roti se joffru lit-tfal u lill-familji opportunitajiet ġodda ta’ mobilità, libertà u ferħ. L-appoġġ finanzjarju jgħinna nilħqu l-bżonnijiet essenzjali u nkomplu nibnu komunità iktar b’saħħitha u magħquda. Fi żminijiet ta’ sfida, il-kompassjoni tagħkom tfakkarna li m’aħniex waħedna. Grazzi talli qegħdin magħna, talli temmnu fir-reżiljenza tagħna, u talli qed tgħinuna biex nimxu ’l quddiem flimkien.”
Għall-impjegati, dan l-avveniment fisser ferm aktar minn sempliċi eżerċizzju bejn kollegi fuq il-post tax-xogħol. Kienet opportunità biex jikkollaboraw b’għan ċar u jaraw ir-riżultati konkreti tal-isforzi tagħhom. Dak li beda bħala attività ta’ team-building spiċċa f’kontribuzzjoni sinifikanti għall-komunità, u wera l-impenn ta’ ElectroGas għal azzjoni bil-ħsieb u għal riżultati li jagħmlu differenza.