Grant Thornton Malta ingħaqdet mal-kollegi madwar id-dinja biex tiċċelebra Jum ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tal-kumpanija billi pparteċipat fit-tindif tal-kosta organizzat b’kollaborazzjoni mal-Coast is Clear Foundation.
L-inizjattiva fiż-żona ta’ Marsaxlokk kienet tkopri diversi siti ta’ wirt naturali u kulturali bħall-Fortizza ta’ Delimara u t-Torri ta’ San Luċjan, il-Batterija ta’ San Pawl, l-Island Sanctuary, il-Fanal ta’ Delimara, il-bajja ta’ Għar l-Aħmar u l-bajja tal-Magħluq.
L-impjegati ta’ Grant Thornton Malta ingħaqdu flimkien biex jgħinu fil-manteniment u l-preservazzjoni ta’ madwar dawn il-postijiet mal-kosta b’riżultati impressjonanti. B’kollox it-tim ġabar kważi tliet tunnellati skart li kienu jikkonsistu f’mitejn u tliet boroż kbar ta’ skart imħallat u bosta oġġetti goffi bħal saqqijiet, sett tat-TV, biċċiet tal-għamara, sufan, u diversi fdalijiet oħra tal-metall u tal-injam.
Mark Bugeja, il-Managing Partner ta’ Grant Thornton Malta saħaq: “Jum ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva huwa mod kif niftakru li n-negozju responsabbli jmur lil hinn mis-suċċess finanzjarju. Din is-sena, it-tim tagħna ngħaqad għat-tindif tal-kosta f’Marsaxlokk, u kkontribwixxa b’mod attiv għall-preservazzjoni tal-wirt naturali u kulturali ta’ Malta. Inizjattivi bħal dawn jirriflettu l-impenn kontinwu tagħna li nintegraw il-prinċipji ambjentali, soċjali u ta’ governanza f’kull ma nagħmlu.”
Lil hinn mill-impatt ambjentali, il-ġurnata serviet ukoll bħala opportunità għall-impjegati biex jinghaqdu flimkien u jsaħħu l-ispirtu tat-tim. Jum ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva ta’ din is-sena saħħaħ l-impenn kontinwu ta’ Grant Thornton Malta li tappoġġja inizjattivi komunitarji li jippromwovu s-sostenibbiltà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà. Dawn l-isforzi jirriflettu l-essenza ta’ GT in the Community u l-impenn sod li jagħmlu impatt pożittiv kull fejn joperaw, billi jġibu lin-nies u lin-negozji flimkien għal bidla sinifikanti.

