Sunday, July 13, 2025

L-implimentazzjoni tal-Malta Labour Migration Policy mill-bidu tax-xahar id-dieħel se tkompli ssaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema

Il-Prim Ministru Robert Abela fi żjara ta’ negozju Malti li qed ikabbar l-operat tiegħu

Aqra wkoll

Fi żjara f’negozju f’Santa Venera, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-iżvilupp ekonomiku u s-suċċess li kiseb pajjiżna f’dawn l-aħħar snin irriduh ikompli jservi ta’ ġid għall-familji Maltin u Għawdxin. Dr Abela qal dan wara żjara f’wieħed mill-istabbilimenti ta’ PANINA fil-kuntest li mill-1 ta’ Awwissu se jiġu implimentati l-ewwel 12-il miżura tal-Malta Labour Migration Policy.

Akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ u tkellem mas-sid u l-ħaddiema ta’ PANINA. Mill-bidu tal-ewwel stabbiliment fil-Fgura, dan in-negozju espanda u preżentement qiegħed f’ħames lokalitajiet madwar il-pajjiż. L-għan huwa li sas-sena d-dieħla dan in-negozju jinfirex sa tmien lokalitajiet. F’Santa Venera, dan in-negozju fil-qasam tal-ikel, qiegħed jikber is-servizz fejn il-kċina tal-istabbiliment se tespandi biex tforni x-xogħol fl-istabbilimenti l-oħra tal-istess negozju.

Il-Prim Ministru sema’ l-istorja tas-sid Malti li beda mix-xejn u llum qed ikabbar in-negozju tiegħu billi jħaddem bosta ħaddiema Maltin u anki wħud oħra barranin skont il-ħtieġa. Il-Prim Ministru Robert Abela qal, “Lin-negozji tagħna rriduhom ikomplu jimirħu u jikbru għax ikomplu jiġġeneraw il-ġid. Tieħu gost tara li llum hawn min iħaddem li qed ikompli jiġi inċentivat,” irrimarka l-Prim Ministru hu u jisħaq li bil-Malta Labour Migration Policy, dawk li jħaddmu n-nies u li huma ta’ rieda tajba, li huma fil-maġġorparti assoluta tagħhom, se jsibu spalla mill-Gvern.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li fuq quddiem nett, permezz tal-Labour Migration Policy, se nagħtu stabbiltà lis-settur tax-xogħol, settur li huwa b’saħħtu ħafna f’pajjiżna. “Fuq kollox se nsaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema,” qal Dr Abela hu u jelenka għal żewġ miżuri ewlenin, jiġifieri li min ikeċċi l-ħaddiema għall-ebda raġuni, mhux se jitħalla jġib oħrajn ġodda minn pajjiżi terzi għall-istess pożizzjoni u se jiġi rduppjat il-prezz għall-ingaġġ ta’ ħaddiema barranin ġodda.

Il-Prim Ministru temm jgħid li din il-policy hi waħda ambizzjuża ħafna iżda l-Gvern huwa kommess li jasal biex ikompli jħaddan il-prinċipju ta’ Maltin l-ewwel.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport