Thursday, April 17, 2025

L-importanti hu li ma taqtax qalbek u dejjem tagħti l-mija fil-mija tiegħek – Kurt Vella

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn ta’ etá żgħira kont inħobb il-futbol. Missieri min dejjem kien jagħtini s-sapport tiegħu kif ukoll il-familja tiegħi.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Mqabba FC.

L-esperjenza tiegħi mal-Mqabba din is-sena kienet waħda sabiħa ħafna hekk kif bħala tim wieħed aħna lhaqna t-tragward tagħna billi ġejna promossi għan-National Amateur League 1. Madankollu l-klabb dejjem għamel li seta’ biex b’hekk jara lilna l-plejers kuntenti u nimxu ‘l quddiem.

X’tikkummenta fuq il-kowċ Claudio Calleja, il-president Terrance Briffa u t-team manager Louis Agius?

Il-kowċ Claudio Calleja, il-president Terrance Briffa u t-team manager Louis Agius ħadmu ħafna biex wasalna s’hawn. Huma dejjem għamlu minn kollox biex ikollna staġun mill-aqwa u wieħed memorabbli. Dejjem raw x’hemm bżonn biex intejbu u nilħqu t-tragwardi tagħna.

X’taħseb li kien is-sigriet wara l-ksib tal-promozzjoni għan-National Amateur League 1 min-National Amateur League 2 minn Mqabba FC fil-jiem li għaddew?

Apparti li jrid ikun hemm id-determinazzjoni u d-dixxiplina minn kulħadd, irid ikun hemm ukoll ambjent tajjeb u l-għaqda speċjalment bejn il-plejers u nagħtu kuraġġ lil xulxin. Huwa importanti li kulħadd jiġbed ħabel wieħed u kulħadd ikollu għan wieħed.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Nemmen li l-livell tal-futbol Malti qed jimxi ‘l’quddiem. Ħafna klabbs qed jagħmlu investiment fl-iskwadra tagħhom kif ukoll jaraw biex ikollhom faċiltajiet mill-aqwa għall-klabb tagħhom.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Fejn jidħlu grawnds, ukoll kien hemm xi investiment … hemm xi grawnds li inbidlitilhom l-art tagħhom peró hemm ukoll xi grawnds li hemm bżonn fejn jitjiebu. Aħna bħala Mqabba FC għandna grawnd li ġie mibdul riċentement u dan kien ta’ vantaġġ għalina.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Bħalissa ninsab kuntent ħafna li lħaqna t-tragwardi tagħna, peró, nimxi pass pass u nevalwa l-opportunitajiet tiegħi biex b’hekk nagħmel l-aħjar pass li jmiss għalija.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Fil-futbol dejjem ħa jkun hemm il-mumenti sbieħ peró jkun hemm ukoll dawk diffiċli. L-importanti hu li ma taqtax qalbek u dejjem tagħti l-mija fil-mija tiegħek! 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport